Il-Parlament approva l-ħatra tat-Tabib George Vella biex ikun l-għaxar President tar-Repubblika ta’ Malta. Il-membri kollha tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni għajr għaż-żewġ deputati tal-Partit Demokratiku vvotaw favur in-nomina waqt seduta parlamentari li matulha ġiet diskussa n-nomina ta’ Dr Vella. Il-mozzjoni tressqet mill-Prim Ministru Joseph Muscat u kienet issekondata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Fid-diskors tiegħu, Dr Muscat qal li t-Tabib Vella għandu l-kwalitajiet kollha biex jokkupa din il-kariga/ Dr Muscat sejjaħlu bħala bniedem intergru u persuna li kien dejjem għas-servizz tan-nies u bniedem b’esperjenza twila fix-xena internazzjonali.
Fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ma kienet faċli xejn għalih biex jikkonvinċi lit-Tabib Vella jaċċetta din il-kariga u żvela li qabel ma aċċettaha, it-Tabib Vella analizza u skrutinizza kull punt u virgola tal-irwol il-ġdid tiegħu, bħalma kien jagħmel dejjem. “Kienet deċiżjoni li wasal għaliha li jaċċetta n-nomina, li hija xhieda tal-punti kollha li semmejt qabel. Mhux persuna li jagħmel għall-poter u ċerimonji, imma fl-istess ħin huwa persuna tal-Istat. Persuna li se jissimbolizza l-Istat Malti, u d-Demokrazija Maltija fl-aqwa tagħha”, qal il-Prim Ministru.
Aktar qabel, id-deputati approvaw mozzjoni tal-Prim Minsitru Muscat li għarrfet il-ħidma li wettqet il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. Dr Muscat ddeskriviha bħala President li tat leħen lil dawk li forsi sa ftit ilu kienu jħossuhom li ħadd ma’ seta’ jismagħhom, partikolarment, it-tfal:
“Tat leħen lil dawk li ftit li xejn kellhom leħen. Mhux qed nitkellem biss dwar persuni fit-tarf tas-soċjetà tagħna li jkunu għaddejjin minn problemi psikoloġiċi jew psikosoċjali. Imma anke għamlet difiża għal minoranzi bħall-immigranti”.
Intant, il-Ħamis filgħodu l-istazzjonijiet ONE se jxandru b’mod dirett il-ġurament tal-ħatra tal-President il-ġdid tar-Repubblika.
Ix-xandira tibda fit-08:15 am bi programm speċjali li matulu tixxandar b’mod dirett iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, li għaliha se jattendu wkoll mexxejja ta’ komunitajiet inter-reliġjużi.
Wara se ssegwi l-mixja li se jagħmel il-Presidet Elett flimkien ma’ martu mill-Kon-Katridal ta’ San Ġwann għall-Palazz tal-Gran Mastru, fejn fis-Sala tal-Gran Kunsill issir iċ-ċerimonja tal-ħatra tiegħu bħala l-għaxar Kap ta’ Stat tar-Repubblika ta’ Malta.