Il-Partit tal-President Tork Recep Tayyip Erdogan jidher li tilef l-appoġġ ta’ bosta, tant li fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fit-Turkija, tilef il-maġġoranza fil-kapitali Ankara, filwaqt li jidher li l-partit fl-oppożizzjoni se jikbse il-maġġoranza wkoll f’Istanbul.
B’risposta għal dik li tidher hija daqqa qawwija kontra s-sittax-il sena tmexxija tiegħu, Erdogan ġie kkwotat jgħid li minnufih se jiġu identifikati n-nuqqasijiet eżistenti, u jiġu kkoreġuti.
Madwar il-pajjiż, iktar minn sebgħa u ħamsin miljun persuna kienu eliġibbli biex jivvutaw għal dawn l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Dan f’elezzjonijiet li ħafna qiesu bħala kważi referendum dwar it-tmexxija tal-Gvern preżenti. Intant fl-Ukrajna, attur komiku mingħajr esperjenza politika jidher li rebaħ l-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet Presidenzjali fl-Ukrajna.
L-ewwel indikazzjonijiet juru li l-attur komiku Volodymyr Zelenskiy kiseb tletin fil-mija tal-voti, segwit mill-President attwali Petro Poroshenko b’madwar sittax fil-mija.
B’hekk inqalgħu għadd ta’ kandidati oħra, inkluż l-Ex Prim Ministru Ukren Yulia Tymoshenko.
Hekk kif ħadd minnhom ma’ kiseb ħamsin fil-mija tal-voti, iż-żewġ kandidati ewlenin mistennija jieħdu sehem fl-elezzjoni presidenzjali fil-wieħed u għoxrin t’April.