Moviment li jaħseb b'mod nazzjonali u li ma jibnix ħitan | One News

Notifiki

Moviment li jaħseb b’mod nazzjonali u li ma jibnix ħitan

Is-suċċess ta’ pajjiżna hu riżultat ta’ moviment li jaħdem b’mod nazzjonali u li ma jibnix ħitan.

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, f’Jum il-Ħelsien. Fl-Imtarfa sostna li l-31 ta’ Marzu huwa jum li verament jibni u jagħmilna l-poplu li aħna. Jum li għandna nħarsu lejh mhux bies inġellduh ma’ jiem oħra, b’mod partikolari kisbiet bħall-Indipendenza u r-Repubblika imma biex niċċelebraw tranżizzjoni sħiħa li għamel pajjiżna fl-aħħar snin.

“Aħna rridu nkomplu ntambru l-messaġġ li l-jiem nazzjonali tagħna li jekk toħroġ xi wieħed minnhom mill-equation, aħna jkollna xi ħaġa nieqsa fina… Illum jekk titkellem mal-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ, tistgħu timmaġinaw li jkollok Prim Ministru, hu min hu, Labrurist jew Nazzjonalist, li jgħidulu li ma tistax tagħmel laqgħa. Hawnhekk ma kinitx tal-Maltin fejn qegħdin illu,” spjega l-Prim Ministru.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista fakkar li madanakollu, l-ikbar ħaġa kienet l-infrastruttura li permezz tagħha sirna pajjiż sovran. “Infrastruttuta li parti minnha għadha teżisti u li vvalurizzajna bħalma hi l-EneMalta, infrastruttura oħra li kienet tajba, qabdet it-triq għan-niżla u erġajna salvajniha bħalma hi l-Air Malta. Infrastruttura oħra li kellna u tlifniha mat-triq. Ma konniex fil-ħin biex inkunu hemmhekk aħna biex insalvawha bħas- Sea Malta. Infrastruttura li permezz tagħha qlibna għal kollox il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna minn wieħed ibbażat fuq il-gwerra għal wieħed ibbażat fuq il-paċi,” kompla Joseph Muscat.

Parti minn din it-tranżazzjoni, il-Prim Ministru rrefera għall-munita tagħna, minn munita tiddependi fuq l-isterlina ingliża għall-munita independenti. Bidla oħra hija l-eluf ta’ nisa u rġiel li għall-ewwel darba kellhom impjieg li ma baqax jiddependi mis-servizzi Ingliżi li permezz tiegħu rnexxielhom jgħixu familja. “Irniexxielhom jixtru d-dar tagħhom, irnexxielhom li jistgħu jippjanaw għall-futur. Investiment li tant kemm kien kbir dak iż-żmien li biex ikollna investiment kbir daqskemm ġie dak iż-żmien fis-sebgħinijiet, kellna nistennew sa sentejn ilu meta ġew il-crane currency f’Malta,” qal il-Prim Ministru filwaqt li spjega li qabel dan, ma kien hemm l-ebda investiment kbir daqs kemm kien kbir tal-SGS li ġie fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet ta’ pajjiżna tant kemm kienet b’saħħitha t-tranżazzjoni permezz tal-ħelsien.

L-istess tranżazzjoni wasslet għall-tranżizzjoni fl-għajta tal-poplu fejn qabel kienet “agħtuna x-xogħol, agħtuna l-ħidma, uliedna siefru, uliedna telqu. Illum mhux jagħtuna x-xogħol imma agħtuna l-ħaddiema. Illum mhux uliedna telqu jew ħa jitilqu, illum jgħidulna uliedna ġejjin għalikom,” enfasizza Joseph Muscat.

Ħelsien mingħajr partiġġjaniżmu

“Il-miraklu ekonomiku li qed jagħmel pajjiżna mhuwiex mibni fuq ix-xejn. Huwa mibni fuq id-deċiżjonijiet li ħadna bħala poplu matul iż-żmien u mhux mertu ta’ gvern wieħed. U din ngħidha b’serjeta’ kbira. Filwaqt li għamilna ħafna deċiżjonijiet aħna u ġibna ħafna riżultati, dak li għamilna aħna huwa kontinwazzjoni ta’ dak li sar matul iż-żmien u dak li ħa jinkiseb warajna huwa kontinwazzjoni ta’ dak li qed nagħmlu aħna,” saħaq il-Prim Ministru.

Din hi li tiddistingwi bejn dawk li jaħsbu b’mod nazzjonali u min jaħseb b’mod partiġġjan.

“Min jaħseb b’mod partiġġjan, għalih ix-xemx titla’ u tinżel mal-partit. Aħna, u dan li jiddistingwina bħala moviment, naħsbu b’mod nazzjonali. Ix-xemx ma telgħetx magħna u ma tinżilx magħna. Aħna qed nagħmlu xogħolna. Il-poplu jiġġudikana jekk hux qed nagħmlu aħjar jew agħar minn ħaddieħor,” qal il-Prim Ministru.

Muscat spjega wkoll li kif kien hemm il-bidla minn eknomija ta’ gwerra għal ekonomija ta’ paċi, hekk ukoll irridu nkomplu nibdlu l-kultura ta’ pajjiżna.

“Pajjiżna biex ikompli jinfetaħ iżjed, ma nistgħux nibnu ħitan,” sostna Muscat. Filwaqt li l-politika tal-ħitan hija attraenti, il-politika tal-konvinzjoni tirrikjedi iktar xogħol iżda hija l-politika korretta.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għad-diskors u s-sens tal-ħelsien biex wieħed jinduna kemm dan il-moviment, il-prinċipji tiegħu kienu ta’ ftuħ. “Il-ħelsien tagħna mhijiex ċelebrazzjoni ta’ nazzjonaliżmu estrem li rridu nkunu maqtugħin minn ħaddieħor. Mintoff ma riedx lil Malta nazzjon ħieles biex jaqtagħha mill-kumplament tad-dinja. Mintoff ried lil Malta nazzjon ħieles biex ikun jista’ jpoġġi madwar il-mejda u jnnegozja biex ikun indaqs ma’ ħaddieħor.”

Dan ma jfissirx li kulħadd jagħmel li jrid bina. Hawnhekk, il-Prim Ministru sellem il-ħidma sfiqa li wettqet il-forzi armati ta’ Malta “li din il-ġimgħa taw mill-ġdid prova li huma responsabilissima, tal-affari tagħhom, jafu jippjanaw u meta l-filmati ta’ dak li għamlu, daru d-dinja nista’ ngħidilkom li rċevejt telefonati u messaġġi minn Kapijiet ta’ Stati minn madwar id-dinja jikkumplimentaw ruħhom għall-mod professjonali kif imxew il-forzi tagħna.”

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru esprima d-diżappunt tiegħu lejn ċertu kummenti diżgustanti li jixhdu livell ta’ razziżmu u intolleranza. “Aħna rridu nagħtu eżempju. Dan il-moviment irid jagħti eżempju,” qal Muscat.

Dan huwa l-kunċett li jagħmel Malta ħielsa.

Inkomplu nsaħħu l-ekonomija

“L-ekonomija tagħna tkompli tissaħħaħ f’kull qasam. Permezz ta’oqsma ġodda li sa ftit ta’ żmien ilu, qas konna noħolmu bihom,” sostna Muscat fid-dawl li kuljum pajjiżna jiġbed investiment wieħed wara ‘l ieħor.

Dan ir-ritmu jwassal għal opportunitajiet kontinwi. Qal dan il-Prim Ministru b’referenza dwar l-istrateġija għall-ispazju li ġiet imnedija din il-ġimgħa, strateġija li se tagħmel effett pożittiv fu ix-xogħol filwaqt li toħloq opportunitajiet ġodda.

Fl-istess waqt, għandek il-kultura u l-arti. “Meta ninvestu f’dawn, mhux biss jagħmel sens għall-patrimonju tagħna imma joġloq ukoll il-ġid għall-ekonomija u kien għalhekk ukoll li ħloqna l-aġenzija kulturali għal-Belt Valletta biex nivvalurizzaw dan kollu,” fisser il-Prim Ministru.

Ħelsien b’rappreżentanza ekwa fil-Parlament

“Din il-ġimgħa nedejna l-proposti tagħna biex ikollna aktar bilanċ fir-rappreżentanza bejn in-nis u l-irġiel. Dan huwa settur li minnu nnifsu, jqajjem dibattitu imma l-fatt jibqa’ wieħed. Kif nistgħu aħna naċċettaw il-fatt li kemm ilhom isiru l-elezzjonijiet f’pajjiżna ġew eletti mijiet ta’ rġiel u ġew eletti biss 27 mara? Jien għalija dik tfisser li hemm xi ħaġa intrinsifikament ħażina fis-sistema tagħna,” spjega Muscat.

Il-Prim Ministru temm jgħid li dak li ppropona l-Gvern mhijiex kwota. “Kwota tfisser taqbad raġel tgħidlu ħu paċenzja għax inti raġel warrab u ndaħħlu mara. Mhux ħa nagħmlu hekk. Ma taħdimx hekk. Qed ngħidu iżda illi ħa jkun hemm 12 -il siġġu iktar fil-Parlament… li jkunu maqsuma prattikament biex nissimplifika 6 Gvern u 6 għall-Oppożizzjoni u ma nbiddlu xejn mis-sistema elettorali tagħna. Fis-sistema elettorali tagħna hemm ħafna voti li huma moħlija, jibqgħu mndendla. U aħna qegħdin ngħidu li dawk huma t-tip ta’ voti li ħa jinqabdu u permezz tagħhom, 6 min-naħa tal-Gvern u 6 min-naħa tal-Oppożizzjoni jiġu eletti 12 -il persuna li jkunu ġejjin minn dak il-ġeneru li jkun l-inqas rappreżentat.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend