Il-President Coleiro Preca b'messaġġ ta' apprezzament lill-poplu Malti u Għawdxi | One News

Notifiki

Il-President Coleiro Preca b’messaġġ ta’ apprezzament lill-poplu Malti u Għawdxi

Kien unur u privileġġ għalija li tul dawn il-ħames snin kelli l-opportunita li naqsam magħkom, bħala waħda minnkom, din l-esperjenza bħala l-President ta’ Malta. Kien b’dal-mod li l-President Marie Louise Coleiro Preca bdiet nota t’ apprezzament ftit tal-jiem qabel jintemm it-terminu tagħha.

Spjegat li dejjem ħadmet qatigħ biex taqdi d-dmirijiet kostituzzjonali tagħha, għax temmen li d-demokrazija hija l-aqwa għodda li bħalissa għandna sabiex tkun iċċelebrata d-dinjita umana u jkunu mħarsa d-drittijiet umani u l-paċi fis-soċjetà. Coleiro Preca qalet li tinsab grata lejn ir-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament, fejn għall-ewwel darba, in-nomina tal-President ta’ Malta kien hemm qbil unanimu dwarha.

Hawn żidiet li tispera li dan il-qbil unanimu jkompli jirrenja għas-suċċessuri tagħha, għaliex fi kliemha, il-President ta’ Malta m’għandux ikollu partiti iżda jrid jaqdi lill-poplu b’lealtà u b’kuxjenza.

Tat ħajr ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi kollu għar-rispett u l-appoġġ li taha. Saħqet li tgħallmet mingħand kulħadd, anke mingħand min ikkritikaha. Il-President Coleiro Preca qalet li kull persuna hija kapaċi b’mod individwali, u aktar u aktar il-pajjiż huwa kapaċi meta jingħaqad. Illum aktar minn qatt qabel temmen li l-Maltin għandhom l-abbiltà li jkunu uniċi, u li jekk irridu, ħadd ma jħossu waħdu. Żiedet li l-Maltin għandhom l-abbiltà li jsaħħu l-għaqda u saħansitra jġibu l-paċi fost il-ġnus.

Irrimarkat li ulied Malta jixtiequ pajjiż magħqud u pajjiż fejn ħadd ma jbati u jkun eskluż. Iridu li jkun hemm ir-rispett bejn kulħadd, ma jridux ġlied u jridu li Malta tilqagħhom u tagħtihom is-serenità f’qalbhom u f’moħħhom. Hija ħeġġet biex inkunu l-attivisti ta’ Malta valutata għal ħidmietha ġenwina favur poplu inklussiv u reżiljenti, biex inkunu mexxejja denji u etiċi ta’ pajjiżna.

Id-disa’ President ta’ Malta awgurat lis-suċċessur tagħha t-Tabib George Vella kull suċċess fl-irwol ġdid tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend