FILMAT: Imfakkar Jum il-Ħelsien | One News

Notifiki

FILMAT: Imfakkar Jum il-Ħelsien

Illum pajjiżna qed ifakkar l-erbgħin anniversarju minn meta is-suldati Ingliżi ħallew artna biex Malta saret tal-Maltin. Kien il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, il-Perit Duminku Mintoff, li wassal għall-ftehim storiku biex Malta ma tibqax bażi militari Ingliża.

Il-maltemp ma kienx qata’ l-qlub tal-ġemgħa numeruża ta’ nies li kienet nġabret biex jaraw il-bandiera Ingliża titniżżel u flokha titla’ dik Maltija.

Il-bandiera Ingliża kienet tniżżlet mill-baħri Ingliż David Gilchrist, filwaqt li dik Maltija, bl-isfond tan-noti tal-Innu Malti, kienet itellgħet mill-Bormliż, Alfred Xuereb.

Il-wieħed u tletin ta’ Marzu jibqa’ l-jum imfakkar għall-kapitlu ġdid li kisbet Malta erbgħin sena ilu, kapitlu li jiddiskrivi lill-Malta bħala stat ħieles, indipendenti, newtrali u pont ta’ paċi fil-Mediterran.

Il-Ħadd filgħodu, il-President Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qiegħdu bukketti ta’ fjuri fiċ-ċerimonja li tfakkar Jum il-Ħelsien.

Ġemgħa ta’ nies fil-Birgu li kienu preżenti għal din iċ-ċerimonja tkellmu ma’ ONE news u qalu li Jum il-Ħelsien għadu wieħed sinifikattiv li jibqa’ dejjem f’qalbhom. Spjegawlna x-xena li kienu preżenti għaliha 40 sena ilu.

Staqsejna dwar il-ħsibijiet tagħhom illum, 40 sena wara l-jum storiku tal-1979. Jum li mhux biss huwa parti mill-istorja ta’ pajjiżna, imma huwa l-jum li fih il-poplu Malti kiseb pajjiżu lura.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend