Bil-ġudizzji tiegħu il-Parlament Ewropew jikkundanna lil Malta talli ma daħħlitx l-abort | One News

Notifiki

Bil-ġudizzji tiegħu il-Parlament Ewropew jikkundanna lil Malta talli ma daħħlitx l-abort

Dawk li jogħxew meta jisimgħu MEPs Maltin u Ewropej jikkritikaw u jikkundannaw lill-Gvern Malti dwar is-Saltna tad-Dritt jagħlqu ħalqhom dwar il-kundanna tal-Parlament Ewropew għall-fatt li Malta ma daħħlitx l-abort. Dawn ma jikkummentawx meta jirrealizzaw li bil-ġudizzji tiegħu, il-Parlament Ewropew jikkundanna wkoll lil Malta għax ma daħħlitx l-abort. Dan qalu Alfred Sant meta fil-Parlament Ewropew meta stqarr li l-abort bl-ebda mod ma jinsab fil-programm tat-tmexxija tal-Gvern Laburista.

“Dawk il-Maltin li jxewxu lill-Parlamentari Ewropej dwar is-saltna tad-dritt f’Malta qed iwittu t-triq biex il-biċċa tal-abort tinfetaħ fostna mill-Ewropej. Dawk il-barranin li qed jagħtuhom palata biex il-kwistjoni tas-Saltna tad-Dritt tibqa’ titqanqal, malajr jistgħu jduru fuqhom u jgħidulhom: Isimgħu, dan kif dwar is-Saltna tad-Dritt fil-każ tat-tmexxija tal-gvern il-ħin kollu timbuttaw, imma dwar l-abort ma ssemmu xejn?” qal Alfred Sant. 

Alfred Sant qal li t-tħabrik li l-avversarji tal-Partit Laburista għaddejjin bih biex jilqgħu għas-suċċessi politiċi tal-Partit Laburista fl-aħħar snin mill-gvern, ma qagħdux lura milli jqajmu l-babaw tal-abort.

“Huwa minnu li fl-Unjoni Ewropea hemm maġġoranza kbira ta’ pajjiżi u ta’ ċittadini li jqisu l-abort bħala dritt naturali tal-mara. L-istati jippermettuh u jipprovdu l-faċiltajiet kif jista’ jitwettaq. Hawn Malta maġġoranza enormi taċ-ċittadini huma kontra l-abort. Il-partiti politiċi l-istess. Dawk li jogħxew wara li jisimgħu xi kritika jew kundanna ta’ Malta mill-Parlament Ewropew, jagħlqu ħalqhom meta jintebħu kif il-Parlament Ewropew fil-ġudizzji tiegħu jikkundanna wkoll lil Malta għax ma daħħlitx l-abort.”

Alfred Sant qal li l-Gvern Laburista għamilha ċara: L-abort bl-ebda mod ma jinsab fil-programm ta’ tmexxija tiegħu. Ftit jista’ jkun hemm messaġġ aktar ċar minn hekk. Hu messaġġ kredibbli għax jorbot ma’ kif żviluppaw l-affarijiet taħt tmexxija soċjalista fis-snin li għaddew.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend