ARA: Delia sieket quddiem l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu – One News

Notifiki

ARA: Delia sieket quddiem l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma lissinx kelma waħda dwar dak li ġie allegat mill-gazzetta MaltaToday, li fil-ħarġa tal-Ħadd irrappurtat li m’hemm l-ebda rabta bejn l-allegazzjonijiet li ħareġ jagħmel  ta’ firem iffalsifikati u investigazzjoni dwaru mill-Aġenizija Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU.

Adrian Delia li ilu mill-bidu tal-karriera politika jiffaċċja allegazzjonijiet li daħħal nofs miljun ewro f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni, ħarab li jitkellem u jagħti spjega dwar dawn l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus li qiegħed jiffaċja. Allegazzjonijiet li dwarhom ma jridx jitlob inkjesta maġisterjali.

Delia lanqas irid jippublikka d-dokumenti li skontu ġew iffalsifikati u li għadda lill-Pulizija biex tinvestigahom għax qal li jkun qiegħed jippreġudika l-investigazzjonijiet tal-pulizija.

Iżda fil-każin Nazzjonalista tal-Kalkara, Adrian Delia reġa qal li jrid li jiġi ippubblikat ir-rapport tal-inkjesta Egrant. Inkjesta maġisterjali li ikkonfermat li saret gidba fil-konfront tal-Prim Ministru u familtu meta ġie allegat li l-kumpanija Egrant hija tal-familja Muscat. Dan meta bħalissa l-inkjesta Egrant tinsab għand il-Pulizija biex tinvestiga d-dokumenti ppreżentati fl-inkjesta, fosthom mill-id il-leminija tiegħu Pierre Portelli, li rriżulta li kienu ġew iffalsifikati. Siegħa u nofs wara li attenda għaċ-ċelebrazzjoni nazzjonali, li fakkret l-erbgħin anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien, Adrian Delia ippolitiċiza Jum il-Ħelsien.

Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, Malta ħielsa tfisser Malta iżolata. Skont Adrian Delia, għandna niżolaw ruħna u nreġġgħu l-pajjiż lura. Il-Partit Laburista qal li huwa tajjeb li l-PN jinħeles minn argumenti negattivi li ntużaw mill-Kap ta’ qabel, mingħajr  suċċess.

Fil-każin Nazzjonalista tal-Kalkara, tkellem ukoll l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa li qal li huwa kburi b’dak kollu li għamel fil-Parlament Ewropew.

David Casa huwa kburi li  f’dawn il-ħames snin, ħadem u ħammeġ kemm felaħ isem Malta fil-Parlament Ewropew.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend