Kien hu li tella’ l-bandiera meta Malta saret ħielsa.
Alfred Xuereb ta’ 85 sena għadu jiftakar kif ġie magħżul biex propju jkun hu ma’ żewġ Maltin oħra li tellgħu l-bandiera Maltija tperper fuq l-għolja tal-Ħelsien.
“Mort il-main office, wara ftit niżel wieħed mill-uffiċjali Salvu Sant, niżel minn fuq, kellhom laqgħa u qalli Xuereb inti se tkun bejn is-Sibt u l-Ħadd f’nofs il-lejl fuq il-monument tal-Ħelsien qalli ħa ttella’ l-bandiera Maltija, tgħidx le inti, daqshekk,” qal Alfred.
Ma’ dan l-istazzjon jgħid kif ħassu meta sar jaf li f’dik il-lejla storika kellu jkun hu li jiġbed il-ħabel u jara l-bajda u l-ħamra tiela’ ‘l fuq.
“Jiena lanqas kellimtu. Qisni nxrobt meta qalli hekk bħal speċi tieħodha, ma tobsorhiex hux,” kompla jgħid.
Alfred Xuereb spjegalna kif saret prova għal din iċ-ċerimonja u hemm hekk tkellem mal-baħri Ingliż li ftit qablu niżżel il-bandiera tar-Renju Unit.
Dan il-baħri qasam miegħu ħsieb fuq dik iċ-ċerimonja li kellha tara l-forzi Ingliżi jitilqu darba għal dejjem.
“Qalli, qalli ħa ngħidlek jiena signal seaman, qalli naħdem signal seaman fuq l-HMS London, qalli l-Kaptan biex iniżżel il-bandiera Ingliża minn fuq l-għolja tal-Ħelsien u jien għedtlu ma xtaqtx għax biex tniżżel il-bandiera ta’ pajjiżek, biex itellaha all right imma biex tniżżilha, qallu no that’s your job you have to do it,” qal Alfred.
Filwaqt li jirrakonta kemm il-Birgu kien miżgħud bin-nies minkejja t-temp xejn favorevoli li kien hemm dakinhar, Alfred jgħid erbgħin sena wara għadu jħoss demmu jbaqbaq għall-fatt li kien protagonista fiċ-ċerimonja tal-Ħelsien.
“Inħossni xxurtjat li kont dak il-bniedem li tellajt il-bandiera Maltija fuq pajjiżna, fuq gżiritna għall-ewwel darba biex ngħid hekk. Jien niftakar kullimkien bandieri Ingliżi jixxejru fuq il-bjut. Kien hawn bandieri Maltin imma iżjed Ingliżi, iktar bil-Union Jack imma minn dak iż-żmien l’hawn ħlief bandiera Maltija ma tarax fuq il-bejt,” Alfred temm jgħid.