Fil-mużew tal-Arti l-Belt ġie ppreżentat il-Padiljun Malti għat-tmienja u ħamsin edizzjoni tal-Biennale di Venezia.
Dan huwa spazju artistiku u kreattiv rinomat ħafna u Malta reġgħet bdiet tipparteċipa sentejn ilu wara żmien twil barra minnu.
L-artisti Klitsa Antoniou, Trevor Borg u Vince Briffa se jirrappreżentaw lil Malta waqt il-Biennale bil-wirja Maleth li tfisser port.
“Our team is working on one project called Maleth and each one is taking the subject from different perspective. I am working from the perspective of contemporary art of contemporary issue like migration and the flow of people and the obstacles we humans create in this flow of people,” qalet Klitsa Antoniou
“Jiena qed naħdem fuq l-istorja ta’ Calypso u Ulisse bħala platform jiġifieri. Ħa nkun qed intella’ video installation ta’ għaxar metri li qiegħda fuq l-ilma fejn inti għandek in-narattiv tar-raġel u l-mara maqbudin f’din l-inċertezza ta’ port għaliex wara kollox port dak li hu,” qal Vince Briffa.
“Il-punt tat-tluq tiegħi kien Għar Dalam pero imbagħad l-għar ħallejtu warajja u bqajt miexi kemm fiż-żmien qabel sar l-għar kif ukoll fiż-żminijiet ta’ wara l-għar,” qal Trevor Borg.
Fi kliemhom din opportunità tajba biex jieħdu aspetti differenti artistiċi.
Intant waqt il-konferenza għall-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-parteċipazzjoni ta’ din is-sena waqt il-Biennale di Venezia tkompli ssaħħaħ il-viżjoni ta’ Malta tal-internazzjonalizzazzjoni tal-arti u l-kultura, li bħala riżultat toħroġ l-aspett essenzjali tal-istrateġija fdata lill-Kunsill Malti għall-Arti.
“Din l-istrateġija għandha l-għan li tħeġġeġ u tippromwovi b’mod attiv is-setturi kulturali u kreattivi f’perspettiva wiesgħa ta’ attività soċjo-ekonomika kemm fuq livell nazzjonali u kif ukoll internazzjonali,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.