Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul is-sena li għaddiet, id-dejn ta’ Malta naqas bi kważi €53 miljun ewro. Din kienet it-tieni sena konsekuttiva li matulha l-Gvern irnexxielu jnaqqas id-dejn ta’ Malta wara fl-2017, id-dejn naqas b’€103 miljun. Dan ifisser li f’sentejn, il-Gvern naqqas id-dejn tal-pajjiż b’madwar €160 miljun.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li matul is-sena li għaddiet, l-imgħaxijiet fuq id-dejn tal-Gvern naqsu b’aktar bi ħdax-il miljun u ħames mitt elf ewro. Joħroġ ukoll li l-iżbilanċ fil-fond konsolidat li għaddiet kien jammonta għal ftit aktar minn €70 miljun.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li matul is-sena li għaddiet, in-nefqa tal-Gvern fi proġetti kapitali bħalma huma l-bini ta’ toroq ġodda żdiedet bi kważi €255 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet u qabżet is-€605 miljun. Din in-nefqa straordinarja tikkonferma r-rieda tal-Gvern li jibni Malta għal għada.
Iż-żieda fin-nefqa kapitali tispjega l-bidla fil-qagħada tal-Fond Konsolidat. Fil-fatt li kieku matul is-sena l-oħra, il-Gvern għażel li jonfoq l-istess ammont li nefaq fil-2017, il-Fond Konsolidat kien ikollu surplus ta’ €185 miljun jew ftit aktar mis-surplus osservat sena qabel.
Dan minħabba li fl-2018, kompla jkun hemm żieda qawwija ħafna fid-dħul tal-Gvern li laħqet l-ammont rekord ta’ erbat elef u sitt mitt miljun ewro je kważi 270 miljun aktar mill-2017. Iż-żieda fid-dħul kienet ġejja minn żieda fl-income tax, il-VAT u l-bolla. Dan jikkonferma kemm is-sena li għaddiet l-ekonomija Maltija kompliet toħloq ġid akbar għall-ħaddiema u n-negozji.