Fuq tlieta toqgħod il-borma.
L-istess jista’ jingħad għan-numru ta’ drabi li l-ftehim tal-Prim Ministru Ingliż Theresa May b’rabta ma’ Brexit ġie rrifjutat mill-Parlament Ingliż.
Dan hekk kif il-Ġimgħa wara nofsinhar, 344 Membru Parlamentari vvota kontra l-ftehim, b’286 oħra jivvutaw favur.
Il-Prim Ministru May qalet li dan ir-riżultat se jkollu konsegwenzi gravi, u issa r-Renju Unit se jkollu jitlaq fit-tnax t’ April.
Dan ifisser li mhux se jkun hemm biżżejjed żmien biex tgħaddi l-leġiżlazzjoni sabiex ikun evitat Brexit mingħajr ftehim.
Ironikament, il-vot tal-Ġimgħa ttieħed fl-istess jum li oriġinarjament ir-Renju Unit kellu joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn appella biex May tirriżenja ssejjaħ elezzjoni ġenerali.
B’reazzjoni għall-vot, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk ħabbar fuq Twitter li fid-dawl tal-aħħar żviluppi, sejjaħ Kunsill Ewropew Straordinarju l-Erbgħa għaxra t’ April.
Summit li se jkun qed isir jumejn biss ‘il bogħod minn meta issa r-Renju Unit se jiltaq mill-Unjoni Ewropea.
Ir-riżultat tal-votazzjoni jfisser li r-Renju Unit tilef l-opportunita biex jassigura estensjoni għall-proċess ta’ Brexit u jitlaq mill-Unjoni Ewropea bi ftehim fit-tnejn u għoxrin ta’ Mejju.
May issa għandha sat-tnax t’April biex tipprova tassigura estensjoni itwal għal proċess ta’ negozjati biex ikun evitat Brexit bla ftehim.
B’maġġoranza ċara fil-House of Commons kontra Brexit bla ftehim, u bil-membri parlamentari se jivvutaw fuq iktar pjani alternattivi fil-jum tat-Tnejn, il-Prim Ministru Ingliż qalet li r-Renju Unit se jkollu jsib triq alternattiva ‘il quddiem.
Qalet li kważi hemm ċertezza li din tinvolvi li jsiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju bħas-27 stat membru l-ieħor.
34 ribelli Konservattivi vvutaw kontra l-Gvern, flimkien mad-Democratic Unionist Party u l-Partit Laburista. Dan filwaqt li ħames membri parlamentari Laburisti vvutaw favur il-ftehim.