Tnediet il-bażi tal-istrateġija Nazzjonali għall-Ispazju, bil-għan li Malta tidħol f’dan is-suq ġdid għal pajjiżna.
F’konferenza fit-training grounds tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Pembroke, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri spjega li l-għan tal-istrategija hu li jinħoloq qafas legali u inċentivi favorevoli biex tinħoloq niċċa ekonomika ġdida u tiġbed investiment barrani.
Ħabbar it-twaqqif task force magħmula minn esperti fil-qasam biex jidentifikaw metodi biex tiġi żviluppata attività kummerċjali relatata mal-ispazju.
“L-idea tagħna li permezz ta’ din l-istrateġija fi żmien perjodu ta’ sena noħolqu qafas regolatorju attraenti biex nattiraw kumpaniji wkoll li qed jaħdmu u jinvestu f’dan is-settur enormi – hemm biljuni kbar investiti fis-sena – sabiex jigu joperaw minn hawn Malta. U permezz ta’ dan l-investiment nattiraw talent ġdid lejn pajjiżna u nagħtu opportunitajiet fejn jidħol qafas tal-edukazzjoni,” qal is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li din hija ħolqa oħra biex niddiversifikaw l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Minn naħa tiegħu, ic-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando qal kif dan huwa kontinwazzjoni tal-politika dwar l-ispazju li tnediet fl-elfejn u sbatax.
Din l-attività saret fl-isfond ta’ attività mtella’ mill-programm edukattiv CanSat bis-sehem ta’ erba’ skejjel li ħadmu biex jidħlu f’kompetizzjoni fejn kull wieħed tella’ rokit żgħir, u li bih, u hu nieżel, ikejlu għadd ta’ affarijiet bħat-temperatura u l-pressjoni tal-arja.
Tkellimna ma’ Verdala Voyagers – it-tim mill-Verdala International School f’Pembroke li spjegawlna li dan kien proġett fejn tgħallmu ħafna, u jikkunsidraw li jkomplu jistudjaw u jfittxu karriera fih.
“We actually learned lots and lots of things because we were completely new to this topic of even electronics and how everything like microcontroller works, how the camera, even building the parachute was very interesting. We have lots and lots of sensors in the CanSat, like ultraviolet radiation, luminosity, gps we know exact altitudes, longitude latitude. As well we know the acceleration so we can make different comparisons and graphs,” qal Dmytro Maksymchuk.
Ir-rebbieħ f’din il-kompetizzjoni jmur jikkompeti f’kompetizzjoni ikbar f’Bologna f’Ġunju li ġej.
Dwar is-suġġett, u anki għal skop ta’ konsultazzjoni, se titnieda s-sit www.maltaspace.com.