Il-Qorti lliberat lil Anthony Galea ta’ sitta u ħamsin sena, li allegatament sellef sebat elef u tmien mitt ewro b’użura u talab il-ħlas ta’ mija u ħamsin elf ewro.
Dan hekk kif l-evidenza ma kinitx biżżejjed biex tkun ikkunsidrata bħala prova skont il-liġi.
Galea tressaq il-Qorti flimkien ma’ ibnu Gilbert ta’ sebgħa u għoxrin sena lejliet il-Milied tal-elfejn u sbatax.
Huma kienu akkużat wkoll li heddew lill-vittma li se tintuża l-vjolenza kontrih, tant li kien kważi ħa jneħħi ħajtu. Iż-żewġ akkużati ċaħdu dan kollu.
L-allegat vittma, li huwa furnar, inizjalment kien talab għaxart elef ewro biex jirranġa l-forn tiegħu u jixtri apparat ġdid.
Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-istqarrija li kien għamel Gilbert Galea lill-pulizija, stqarrija li fiha implika lill-missieru fir-reat, ma kinitx prova biżżejjed fid-dawl li l-proċeduri kontrih għadhom għaddejjin.