Studju ta’ riċerka kkummissjonat mill-Kummissarju għat-Tfal sab li l-biċċa l-kbira tat-tfal ta’ nisel barrani f’Malta jgawdu minn saħħa fiżika u mentali pożittiva.
L-istudju li stħarreġ is-saħħa tat-tfal barranin f’Malta sab ukoll li t-tfal barranin igawdu minn ambjent ta’ familja stabbli, kwalità ta’ ħajja tajba, esperjenza tal-iskola pożittiva, relazzjonijiet tajbin mal-għalliema u ma’ sħabhom kif ukoll inklużjoni soċjali. L-istudji juri li t-tfal barranin jistgħu jkunu influwenza pożittiva fil-ħajja tat-tfal Maltin, mhux biss bħala d-diversità kulturali li jġibu magħhom, iżda wkoll għax iħajru lil sħabhom Maltin jadottaw stili ta’ ħajja aħjar.
Min-naħa l-oħra instab li ħafna tfal barranin jgħixu fi djar iffullati u qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi lingwistiċi. Sab ukoll li ma tantx għandhom ħbieb Maltin u ftit isibu spazji miftuħa fil-komunità tagħhom. Ħareġ ukoll li t-tfal barranin f’Malta ma jistgħux jitqiesu bħala grupp omoġenju wieħed għax hemm differenzi kbar bejniethom. Ingħad ukoll li waqt li l-maġġoranza tat-tfal Maltin għandu attitudni pożittiva dwar it-tfal barranin u l-multikulturaliżmu, perċentwal sostanzjali esprimew ċertu tħassib dwar l-integrazzjoni multikulturali.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnieda dan l-istudju, il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli qalet li dan l-istudju jsaħħaħ ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom fosthom li jinħolqu spazji fiżiċi u soċjali aktar b’saħħithom u komunitajiet interkulturali.