Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħarab milli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar l-allegazzjoni li daħħal kważi nofs miljun ewro f’ċekkijiet u depożiti fi flus kontanti f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni.
Fi tmiem attività li l-Partit Nazzjonalista stieden lill-media għaliha, il-ġurnalisti stennew lil Adrian Delia biex jistaqsuh mistoqsijiet dwar l-allegazzjoni gravi li qed jiffaċċja ta’ ħasil ta’ flus.
Iżda Adrian Delia ħarab milli jwieġeb il-mistoqsijiet, bl-iskuża li m’għandux ħin iwieġeb lill-ġurnalisti.
Minkejja li Delia stieden lill-ġurnalisti sabiex jagħmlu appuntament miegħu biex jistaqsuh il-mistoqsijiet, Adrian Delia ilu ġimgħa jaħrab lill-ġurnalisti li bagħtulu mistoqsijiet bil-miktub dwar l-allegazzjoni ta’ ħasil ta’ flus.
The Malta Independent irrappurtat li Adrian Delia qiegħed jinjora l-mistoqsijiet li sarulu dwar l-allegazzjoni ta’ ħasil ta’ flus li ilu jiffaċċja sa mill-elfejn u sbatax, mindu Daphne Caruana Galizia kienet ħarġet b’din l-allegazzjoni.
L-Independent staqsiet lil Delia jekk huwiex se jitlob inkjesta maġisterjali fil-konfront tiegħu, bħalma għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat meta ġie allegat li l-kumpanija Egrant hija tiegħu jew ta’ familtu. Izda Delia reġa’ rrifjuta li jitlob inkjesta maġisterjali biex jiġi investigat jekk daħħalx flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni.
L-Independent staqsiet lil Adrian Delia jekk fid-dawl ta’ din l-allegazzjoni igawdiex l-appoġġ tal-grupp parlamentari nazzjonalista. Izda Delia ma weġibx lanqas għal din il-mistoqsija.
It-Times of Malta wkoll irrapurtat li ġimgħa ilu bagħtet mistoqsijiet lil Adrian Delia dwar l-allegazzjoni ta’ ħasil ta’ flus. Liema mistoqsijiet baqgħu ma ġewx imwieġba minn Delia.
Intant, l-Editorjal tal-Malta Today qal li Adrian Delia għandu jikkunsidra l-futur politiku tiegħu.
L-Editorjal qal li minkejja li l-allegazzjoni li Adrian Delia daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey tmur lura erbatax-il sena ilu, l-allegazzjonijiet mhumiex fiergħa imma serji ħafna.
Irrimarka wkoll li l-inkjesta maġisterjali li talab Adrian Delia mhix se tinvestiga l-allegazzjoni tal-ħasil ta’ flus imma biex jiġi investigat kif ħarġet informazzjoni dwaru.
Tenniet li dawn l-allegazzjonijiet qegħdin jimminaw r-reputazzjoni ta’ Adrian Delia, kemm bħala Kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll bħala kelliem tal-governanza t-tajba.