B’investiment ta’ €300,000 beda x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-masterpaln għall-bajja tax-Xlendi. Din il-fażi tinkludi r-riġenerazzjoni ta’ tlieta u għoxrin binja tas-sajjieda li jinsabu fi Pjazza Anfori u li nbnew fis-snin sebgħin.
Ix-xogħol ser jikkonsisti f’tibdil tas-soqfa, travi kif ukoll installazzjoni ta’ membrane u bdil tal-aperturi b’oħrajn ġodda. Il-Ministru għal Għawdex Justine Caruana spjegat ix-xogħol li se jsrir fuq strutturi oħra li huma kkundannati:
“Ir-riġenerazzjoni ta’ żona sħiħa fejn qed nitkellmu fuq il-boathaoueeses tas-sajjieda- rigenerati mill-qiegh nett. Faċilitajiet ghas-sajjieda u qegħdin ninkludu xogħlijiet strutturali u bdil ta’ membrane u tibdil ieħor li jkun hemm bzonn minn żmien għal żmien fl-operat tas-sajjieda tagħna,” qalet il-Ministru.
Apparti minn hekk mistenni li jsir xogħol ta’ restawr tal-faċċati kollha; kif ukoll ser issir installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl dekorattiv sabiex tikumplimenta ma’ Pjazza Anfori li ser isir xogħol fuqha aktar tard matul din is-sena:
“Dan huwa l-mod kif il-Ministeru għal Għawdex qed jindirizza diversi bżonnijiet – diversi setturi pero qed nitkellmu fuq riġenerazzjoni ta’ żona sħiħa,” kompliet tgħid il-Ministru.
Il-masterplan taż-żona tax-Xlendi mistenni li jindirizza diversi aspetti inkluż it-tindif tal-wied. Wara li tingħalaq il-konsultazzjoni, l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett ser tinkludi użu aħjar tal-ispazju li jeżisti max-xtajta tax-Xlendi.