Tifel ta’ sentejn jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fix-Xlendi f’Għawdex.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-3.45pm meta omm it-tifel, mara ta’ 47 sena mill-Munxar, tilfet il-kontroll tal-vettura Hyundai Accent li kienet qiegħda ssuq u baqgħet dieħla f’arblu tad-dawl. It-tifel ta’ sentejn kien fil-karozza.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara u lit-tifel l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħataw il-kura meħtieġa fejn aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li ma sofriet l-ebda ġrieħi u t-tifel ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.
Iżda iktar tard il-kundizzjoni tat-tifel qalbet għall-agħar u ttieħdet l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ħelikopter fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Paul Coppini li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.