Il-House of Commons tar-Renju Unit ivvutat sabiex tieħu l-kontroll tax-xogħol tal-kamra mingħand il-gvern konservattiv sabiex tinstab xi tip ta’ soluzzjoni għal Brexit.
Il-mozzjoni mressqa minn diversi partiti talbet sabiex il-membri parlamentari jkunu jistgħu jtellgħu serje ta’ voti sabiex jiġi stabbilit liem tip ta’ Brexit tista’ tgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-House of Commons.
Iżda Theresa May qalet li ma hemm l-ebda garanzija li l-gvern tagħha se jisma’ minn dak li jsir fil-House of Commons.
Tletin membru parlamentari minn naħa ta’ May ivvutaw kontra l-gvern, bi tlieta minnhom jirreżenjaw minn karigi ministerjali sabiex jagħmlu dan.
Qabel ma tilfet il-mozzjoni May offriet li l-istess serje ta’ voti jkunu mressqa mill-gvern, sabiex tevità li titlef il-vot. Qalet li jekk il-membri parlamentari jieħdu kontroll tal-proċess parlamentari, dan ikun preċent “mhux mixtieq”.
Iżda diversi konservattivi qedgħin isostnu li m’għadhomx jemmnu li Theresa May se ttihom vuċi biex jesprimu ruħhom dwar it-tipi differenti ta’ Brexit.
Qabel magħhom il-Kap Laburista Ingliż Jeremy Corbyn, fejn qal li l-gvern falla u li l-House of Commons tista’ tasal, u se tasal fejn ma wasalx il-gvern.
Ħafna qed isostnu li l-iżvilupp fil-House of Commons qed iżid iċ-ċans li l-kwistjoni Brexit tissolva mill-poplu Ingliż f’referendum ieħor.