Ftit sigħat qabel il-logħba tat-tim nazzjonali Malti kontra Spanja, l-istennija qed tkompli tikber.
Kif kien mistenni l-stadium nazzjonali għada ser ikun mimli kollu għat-tieni logħba mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2020 bejn Malta u Spanja, li se tibda fid-8.45pm.
Id-direttur tal-komunikazzjoni tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol l-MFA is-Sur Kevin Azzopardi spjega kif il-logħba f’pajjiżna kienet dejjem waħda li se tqajjem interess kbir fil-partitarji Maltin sa minn meta telgħu il-poloz. Iżda din l-aspettattiva kompliet tikber wara r-rebħa ta’ pajjiżna kontra l-Gżejjer Faroe is-Sibt li għadda.
L-attendenza illejla mistennija li tlaħħaq it-18,000 persuna għal din il-loghba. It-tim Malti u dak Spanjol kisbu rebhiet identiċi ta’ 2–1 nhar is-Sibt li għadda fl-ewwel logħbiet rispettivi tagħhom fi Grupp F.
Il-grupp tas-Sapporters Maltin magħruf bħala s-South End Core ħa ħsieb li jarma l-kurva tan-nofsinhar b’diversi banners u kartelluni sabiex illejla l-atmosfera fl-istadjum nazzjonali f’Ta Qali tkun waħda elettrifikanti.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jitla l-grawnd kmieni kemm jista’ jkun, bil-bibien jinfetħu fis-6.45pm. Is-Sur Azzopardi spjega li dawk bil-biljetti f’dak li hu magħruf bħala l-Enclosure, idealment jidħlu Ta’ Qali min-naħa tal-Mosta, filwaqt li dawk bil-biljetti fil-Millenium Stand, il-kurva tat-Tramuntana u l-kurva tan-Nofsinhar huma mħeġġa biex jidħlu Ta’ Qali minn-naħa tar-Rabat u Ħ’Attard.
Qed ikun organizzat ukoll servizz ta’ shuttle bus lejn l-istadjum mill-Belt Valletta, San Ġiljan u Buġibba.
Intant it-tim nazzjonali Spanjol wasal f’pajjizna ilbieraħ waranofsinhar. Kienu diversi Maltin li ħonqu l-inħawi viċin il-lukanda tat-tim f’San Ġiljan sabiex jaraw mill-qrib id-diversi stilel ta’ dan it-tim li ssoltu narawhom biss fuq it-televiżjoni, bħal gowlkeeper ta’ Manchester United David de Gea u l-captain ta’ Real Madrid Sergio Ramos.