Ħidma intensiva li saret biex jinfetħu twieqi ġodda għall-adozzjonijiet minn ġenituri Maltin wasslet biex is-sena li għaddiet saru għadd rekord ta’ adozzjonijiet ta’ tfal minn barra l-pajjiż.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrategġija Nazzjonali dwar l-Addozzjoni għat-Tfal u l-Familji tagħhom, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li matul is-sena li għaddiet erbgħa u ħamsin koppja saru ġenituri permezz ta’ adozzjonijiet ta’ tfal minn barra l-pajjiż.
Dan huwa l-ogħla numru ta’ adozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor fl-aħħar għaxar snin.
Fil-fatt l-ogħla ammont ta’ adozzjoijiet saru mill-Indja segwiti mill-Islovakkja, il-Portugall u t-Tajlandja.
Il-Ministru qal li bil-ħidma li saret mal-Indja u l-Portugall, telgħu għal tmienja, il-pajjiżi barranin, li hemm koperazzjoni f’dan il-qasam. Dawn jinkludu wkoll il-Bulgarija, il-Moldova u l-Polonja.
Fakkar li l-Gvern huwa impenjat li jsaħħaħ u fl-istess waqt jiffaċilità l-proċess anke permezz tal-għotja finanzjarja ta’ €10,000 għal kull proċess ta’ addozzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards tal-Ħarsien Soċjali Matthew Vella qal li din l-għajnuna ttaffi ftit mill-ispejjeż konsiderevoli li jagħmlu l-ġenituri adottivi prospettivi.
“Mizura finanzjarja bħal din qed tgħin lil persuni li jkunu fil proċess imbgħad ikunu fil-proċess li jaddottaw żgur li din qed tkompli tiffaċilita’ li bniedem jagħmel u jagħlaq il-proċess tal-addozzjoni,” qal Matthew Vella.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Falzon qal li l-istrateġija se twassal sabiex filwaqt li tnaqqas il-perjodu ta’ stennija b’rabta mal-proċess lokali ta’ adozzjoni għat-tfal u l-ġenituri adottivi prospettivi, ser taħdem sabiex jiżdiedu l-adozzjonijiet tat-tfal Maltin.
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sat-tlieta ta’ Mejju li ġej bis-suġġerimenti jistghu jintbagħtu fuq l-indirizz elettroniku feedback.scsa@gov.mt jew 25494474.