Il-Gvern evalwa r-rakkomandazzjonijiet li ressaq il-kumitat ORNIS wara l-laqgħa li saret fl-20 ta’ Marzu 2019. Għaldaqstant, il-Gvern ħabbar li ser ikun qiegħed japplika deroga għall-ftuħ tal-istaġun għall-kaċċa għas-summiena mil-10 sat-30 ta’ April 2019 iż-żewg dati inklużi, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar bi kwota nazzjonali ta’ 5,000 summiena. Ser tkun qiegħda titneħħa l-kwota individwali tal-ġurnata u kif ukoll il-kwota individwali tal-istaġun.
Fir-rigward tal-kaċċa għall-gamiema fis-seduta tal-lum 26 ta’ Marzu 2019, il-kumitat Ornis ma laqax it-talba mressqa mill-FKNK sabiex tiġi applikata deroga biex jinfetaħ it-tali staġun matul ir-rebbiegħa tal-2019. Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li l-popolazzjoni tal-gamiema ġiet klassifikata li qiegħda fi stat ta’ konservazzjoni vulnerabbli.
Madanakollu, wara li saret talba mill-FKNK, l-Ornis irrakkomanda lill-Gvern sabiex jibdew diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli għat-tul fir-rigward tad-deroga tal-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa. Dawn id-diskussjonijiet ser ikunu intiżi biex jiġu ddeterminati l-prinicipji li fuqhom tiġi applikata deroga fil-futur għall-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa, hekk kif diġà għamel il-Gvern fejn jidħol l-insib tal-mlievez u l-pluvieri.
Il-Gvern qal li se jibqa’ impenjat li kif dejjem wiegħed u għamel, iħares il-prattiċi Maltin b’rispett sħiħ lejn ir-regolamenti applikabbli kif ukoll lejn is-sostenibbiltà ta’ din il-prattika.