Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista Alfred Sant sostna li Malta hi, u se tibqa’ tkun, stat li jirrispetta bis-sħiħ is-saltna tad-dritt u sostna li l-membri fil-Parlament Ewropej għandhom jiffaċċjaw il-fatti b’onestà.
Dr Sant qal dan it-Tnejn waqt li kienet qed tkun diskussa r-Riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta u fis-Slovakkja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Alfred Sant qal li kwistjonijiet dwar is-saltna tad-dritt qed jintużaw biex imexxu ’l quddiem interessi partiġġjani li jeżistu fil-politika nazzjonali Maltija. Qal li qed isiru akkużi dwar Malta li huma fattwalment żbaljati u mgħawġa, bil-għan li jkun jista’ jingħata bidu għal aktar hekk imsejħa inkjesti.
Sostna li darba wara l-oħra, investigazzjonijiet ta’ dan it-tip raw kif għamlu biex iħammġu isem Malta. Qal li l-mod kif ħadem il-grupp ta’ monitoraġġ fil-kumitat LIBE li fih hemm ukoll Roberta Metsola, mexxa investigazzjoni f’dil-linja, kien imċajpar u arbitrarju.
Min-naħa tagħha, l-Ewroparlamentari Miriam Dalli qalet li l-Ħamis, il-Parlament Ewropew se jintalab jivvota fuq riżoluzzjoni li tagħti l-impressjoni li dan hu xi pajjiż li ma jinteressahx mis-saltna tad-dritt.
Qalet li l-ironija hi li waqt li l-Parlament Ewropew qed jiffoka fuq pajjiżna, f’Malta għandna Gvern li f’anqas minn mitt jum qed iressaq emendi fil-Parlament fuq il-parir tal-Kummissjoni Venezja biex jirriforma l-liġijiet.
“Today we have a Government which is putting forward amendments on the basis of the proposals of the Venice Commission to amend laws. I am happy to see that amendments have been put forward because the resolution as it is at the moment does not give a clear picture of what is happening,” qalet Dr Dalli.
Hija indirizzat ukoll lill-Kummissarju Ewropea Vera Jourová, u fakkritha f’ittra li l-Gvern Malti bagħtilha dwar riformi fil-qasam ġudizzjarju li l-Gvern jaqbel magħhom u li Jurova lanqas biss irreferiet għalihom.
Tul id-dibattitu, Miriam Dalli insistiet li r-riżoluzzjoni jmissha wkoll tagħmel referenza għat-tibdiliet li qed jagħmel il-Gvern Malti filwaqt illi sfidat lill-MEP Ana Gomes tkun ċara fi kliemha u dan wara li Gomes ma riditx tirrikonoxxi r-riformi pożittivi li qed jagħmel dan il-Gvern.