Is-sena 2021 potenzjalment taf tkun l-aħħar sena li fiha jinqaleb il-ħin staġjonali fl-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif il-Parlament Ewropew ivvota b’410 vot favur, 192 kontra u 51 astensjoni sabiex din il-qalba ta’ darbtejn fis-sena tintemm.
L-Istati Membri xorta se jżommu d-dritt tagħhom li jiddeċiedu huma liema żona tal-ħin ikollhom
Skont l-abbozz ta’ liġi approvat mill-MPE, il-pajjiżi tal-UE li jiddeċiedu li jżommu l-ħin tas-sajf tagħhom għandhom jagħmlu l-aħħar bidla tal-arloġġ tagħhom fl-aħħar Ħadd ta’ Marzu 2021. Dawk li jippreferu jżommu l-ħin standard (tax-xitwa) tagħhom, jistgħu jaġġustaw l-arloġġi tagħhom għall-aħħar darba fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru 2021.
Il-MPE appoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni biex itemmu l-bidliet fil-ħin staġjonali, iżda vvutaw li jipposponu d-data mill-2019 għall-2021.
Il-MPE jridu wkoll li l-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni jikkoordinaw id-deċiżjonijiet biex jiżguraw li l-applikazzjoni tal-ħin tas-sajf f’xi pajjiżi u tal-ħin tax-xitwa f’pajjiżi oħrajn ma tfixkilx is-suq intern.
It-test adottat jgħid li jekk il-Kummissjoni ssib li l-arranġamenti tal-ħin previsti jistgħu jfixklu b’mod sinifikanti u permanenti it-tħaddim xieraq tas-suq uniku, hija tista’ tressaq proposta biex tipposponi d-data tal-applikazzjoni tad-direttiva b’mhux aktar minn 12-il xahar.
L-ewwel darba li l-Unjoni Ewropea għaqqdet flimkien l-arranġamenti tal-ħin tas-sajf kien fl-1980, sabiex tiżgura approċċ armonizzat għall-bdil tal-ħin fis-suq uniku. Sa dakinhar, il-prattiki u l-iskedi nazzjonali tal-ħin tas-sajf kienu diverġenti.
Id-direttiva attwali dwar l-arranġamenti dwar il-ħin tas-sajf tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jaqilbu għall-ħin tas-sajf fl-aħħar Ħadd ta’ Marzu u lura għall-ħin standard fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru.