Il-ftira Maltija se tkun l-ewwel element li se jitressaq għal-lista tal-wirt kulturali intanġibbli tal-UNESCO.
Dan hekk kif il-Gvern, permezz tad-Direttorat tal-Kultura, se iressaq il-ftira Maltija u l-arti kulinarja tagħha biex ikunu rikonoxxuti bħala wirt dinji. .
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici spjega kif fl-2017, il-Parlament approva li Malta tirratifika l-konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-wirt kulturali intanġibbli.
Il-ftira Maltija magħmula minn għadd ta’ ingredjenti bħal kunserva, il-ġardiniera, il-ħabaq, il-basal, iż-żebbuġ u t-tonn taż-żejt fost oħrajn intgħażlet mill-Bord Nazzjonali għall-Wirt Kulturali Intanġibbli wara li laqa’ għadd ta’ nominazzjoni mingħand il-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
“Ħtarna bord ta’ esperti li laqa’ sottomissjonijiet li ġew mingħand in-nies, mill-pubbliku. Fil-fatt l-aktar sottomissjoni li tressqet ‘il quddiem b’mod tajjeb kienet dik tal-ftira Maltija,” qal il-Ministru.
Spjega kif s’issa diġà tpoġġew seba elementi fuq l-Inventarju Nazzjonali, iżda ġie deċiż li l-ftira Maltija tkun l-ewwel li titressaq għall-konsiderazzjoni tal-Unesco. Id-Direttur għall-Kultura, Mario Azzopardi, qal kif il-proċess kien jitlob li jiġu involuti dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam, jiġifieri l-furnara, speċjalment dawk li għadhom jaħdmu l-ftira b’mod artiġjanali.
“L-applikazzjoni titlob impenn enormi. Fil-fatt kellna niltaqgħu ma’ diversi furnara, kemm dawk li jaħdmu b’mod artiġġjanali u anke dawk li jaħdmu f’mod kummerċjali għaliex ridna l-kunsens tagħhom. Għamilna laqgħat mal-pubbliku għax ridna l-kunsens tal-pubbliku u ħadna sehem anke f’festivals,” qal is-Sur Azzopardi.
Spjega kif issa wasalna fil-fażi fejn tiġi sottomessa l-applikazzjoni.
“Il-proċess hu twil għax ma nistennewx riżultat sa Diċembru tal-2020. Jista jkun anke daqsxejn itwal ukoll. Jiġifieri dak hu l-proċess normali. Jiġifieri hu proċess li l-UNESCO jridu jagħrblu,” kompla jgħid id-Direttur Azzopardi.
Il-Ministru Bonnici ħeġġeġ lill-għaqdiet u komunitajiet Maltin sabiex jgħożżu l-wirt kulturali intanġibbli biex fis-snin li ġejjin jiġu nnominati aktar elementi mill-wirt kulturali tagħna għall-kunsiderazzjoni tal-UNESCO.