L-uffiċjali tad-dwana għamlu t-tieni qabda kbira ta’ droga fi żmien ġimgħa. Kien fil-jum tat-Tlieta meta l-Uffiċjali tad-Dwana rnexxielhom jinterċettaw żewġ kontejners b’konsenja ta’ 51.6 kilogramma ta’ sustanza suspettata kokaina li l-valur fit-triq tagħha hu stmat li jlaħħaq kważi €6 miljun. Id-Dwana qalet li din is-sejba saret wara li l-uffiċjali tad-dwana skenjaw 7 kontejners li kienu għaddejjin minn rotta suspettuża. Għajnejn l-uffiċjali stazzjonati fil-Port Ħieles għarfu li f’żewġ kontejners partikolari kien hemm xi irregolaritajiet. Dan irriżulta li kienet droga moħbija fil-parti tar-refriġerazzjoni ta’ dawn il-kontejners li kienu qed iġorru l-frott.
Minn tfittxija li saret irriżulta li fl-ewwel kontejner kien hemm 20 pakkett kokaina li jiżnu 24 kilo stmati €2.7 miljun. Filwaqt li fit-tieni kontejner kien hemm 23 pakkett kokaina ta’ 27.5 kilos li jammontaw għal €3.1 miljun.
Dawn il-kontejners kienu ġejjin mill-Amerka ta’ isfel fi triqthom lejn l-Albanija.
Il-każ għadda f’idejn il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra d-droga flwaqt li infetħet inkjesta maġisterjali.
Id-Dwana rringrazzjat lill-Puliziija, is-servizzi tas-sigurta’ u lid-Dipartiment tal-Loġistika tal-Port Ħieles tal-koperazzjoni.
Kien nhar it-Tlieta li għadda lill-Uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fil-Port Ħieles għamlu qabda kbira oħra ta’ droga ta’ 288kilo b’valur ta’ aktar minn €32 miljun.