Il-complaints Board tal-MFA ordna lit-tim ta’ Birkirkara FC sabiex jħallas €123,000 lill-kowċ Paul Zammit. Zammit talab lil dan l-bord sabiex hu jingħata s-salarju minn Settembru 2018 sa Jannar 2019 liema ammont jlaħħaq il-€ 15,000 filwaqt li jitħallas għal kumplament tal-kuntratt li kellu ma’ Birkirkara FC, somma li tlaħħaq il-€ 108,000.
Fir-risposta tagħhom, Birkirkara FC sostnew li Zammit, direttament jew indirettament, mar kontra l-spirtu tal-klabb u tal-iskwadra tat-tim u għalhekk ma kellhom ebda alternattiva oħra ħlief li jippruvaw jirranġaw l-affarijiet.
Zammit, minn naħa tiegħu qal li hu ma kellu ebda problema bl-ingaġġ ta’ Jeffrey Farrugia iżda meta John Arne Riise inħatar d-direttur sportiv, il-President Frans Zarb qallu li Riise ser ikun l-persuna responsabli mit-tim. Zammit sostna li dan kien inaċċetabbli għalih filwaqt li sostna li hu ma ġiex konsultat meta Riise ġie appuntant direttur sportiv tal-klabb.
Il-complaints board tal-MFA sostna li l-klabb ta’ Birkirkara se jkun projbit milli jakkwista jew ineħħi xi plejers.