Raġel ta’ 56 sena mill-Imsida ndarab grav waqt ġlieda li nqalgħet tard il-Ħadd waranofsinhar bejn diversi persuni f’restorant fi Triq il-Magħkuba, fl-Imġarr Malta.
Il-ġlieda nqalgħet għall-ħabta tal-5.30 p.m. meta diversi persuni li kienu qed jieklu fir-restorant spiċċaw fl-idejn.
Fuq il-post marru l-pulizija tar-Rapid Intervention Unit u dawk tad-Distrett li sabu kommossjoni sħiħa.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.