Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li r-rapport dwar miżuri fil-ġlieda kontra l-abbużi fit-tassazzjoni huwa difettuż u jippreżenta nuqqasijiet fundamentali. Dan ir-rapport irid ikun fattwali, iffokat tajjeb u jrid ukoll ikun ċar dwar il-kawżi u s-soluzzjonijiet ta’ dawn l-abbużi. Sfortunatament, ir-rapport jaċċetta bħala fatt, allegazzjonijiet u suspetti mingħajr ma jivverifika l-verita`.
Alfred Sant qal li elementi differenti fit-tmexxija finanzjarja tal-istat qed jiġu assoċjati, mingħajr ebda evidenza, ma’ żieda fil-kriminalita` f’dan il-qasam.
“Agħar minn hekk, jeżisti żbilanċ, li huwa tanġibbli ħafna, kontra l-istati ż-żgħar u l-istituzzjonijiet kummerċjali tagħhom. Allura, il-każ tal-Bank Pilatus f’Malta qed jingħata importanza kbira. Il-każ tal-Bank Ġermaniż Deutsche Bank, minkejja li huwa inkwetanti iktar, qed jiġi injorat.”
Alfred Sant qal li s-servizzi finanzjarji professjonali qed jiġu ikkonsidrati daqs li kieku se jsiru kriminali.
“Qed tiġi addottata sistema li trid tlibbes l-istess żarbun għal kulħadd. Id-direzzjoni li qed jieħu d-dibattitu jsegwi aġenda favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa. Din tinjora l-fatt li l-flessibilita` fit-taxxa hija l-uniku għodda kompetittiva li baqgħalhom l-ekonomiji ż-żgħar u li jinsabu fil-periferija ta s-suq komuni.”
Alfred Sant qal ir-rapport kellu jagħti każ konsiderazzjonijiet politiċi …Iżda hawnhekk l-konsiderazzjonijiet ġew imbuttati lejn il-populiżmu.
“Nirrepeti: dan ir-rapport huwa fundamentalment difettuż.” qal Alfred Sant.