Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima nedew skema b’investiment ta’ €500,000 bil-għan li tgħin lill-għaqdiet sportivi biex jinvestu f’Enerġija Alternattiva.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li l-investimenti li saru u li qegħdin isiru, qed iservu sabiex jiżguraw li l-konsumatur ikun ipprovdut b’enerġija sostenibbli, sigura u affordabbli. Spjega li din l-iskema toffri għajnuna finanzjarja, b’valur massimu ta’ €50,000 biex organizzazzjonijiet sportivi jiġu mħeġġa jagħmlu investimenti li forsi jkunu ilhom fil-pjanijiet tagħhom, iżda minħabba raġunijiet finanzjarji, qatt ma jkunu saru. Huwa qal li din l-iskema tista’ tkun ukoll ta’ interess għall-klabbs żgħar fejn l-investiment ikun iżgħar, per eżempju jkollhom bżonn istallazzjoni ta’ dwal intelliġenti, solar water heaters jew heat pumps.
Żied jgħid li l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma ser toffri wkoll servizz ta’ inġinier li jgħin lill-applikanti jimlew il-formoli neċessarji u jissottomettu r-rapport finali. “Skemi bħal din, li jippromwovu investiment b’konsum inqas tal-enerġija għandhom għan doppju. L-għan prinċipali huwa t-tnaqqis ta’ enerġija ġġenerata u li setgħet ġiet evitata, iżda fl-istess waqt, l-organizzazzjoni sportiva tkun qed ittejjeb l-operat tagħha u dan jissarraf f’ġid għall-isportivi membri tagħha u ħafna drabi anke għall-komunità fejn tkun ibbażata,” żied jgħid Joe Mizzi. Huwa fakkar li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, minbarra li toffri s-servizz ta’ żjarat fid-djar għall-energy awareness, flimkien ma’ entitajiet pubbliċi oħrajn,tippromwovi skemi speċifiċi bħal investimenti relatati ma’ titjib fl-enerġija fl-intrapriżi li jkollhom bżonn investiment imdaqqas, skemi ta’ Energy Audit għall-industriji żgħar u medji u issa bi skema għall-organizzazjonijiet sportivi.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq kif din l-iskema, li hi waħda mill-wegħdi elettorali tal-Gvern, se tkompli tagħti assistenza lill-għaqdiet sportivi biex jirrikorru għall-enerġija alternattiva fejn apparti se jħallu aktar flus fi ħdan dawn l-għaqdiet stess se jkunu qed jikkontribwixxu għal rizorsi naturali li m’ghandomx impatt fuq l-ambjent.
Din l-iskema se tkun amministrata minn SportMalta. L-applikazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-proposta mħejjija minn inġinier kkwalifikat.