Bl-aħħar stqarrija maħruġa minn organu uffiċjali tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, jidher biċ-ċar li l-għan tal-Oppożizzjoni, bħas-soltu, hu li tqarraq bin-nies dwar is-sitwazzjoni tal-Air Malta hekk kif il-kumpanija rreġistrat l-ewwel profitti tagħha wara li kienet tħalliet fi stat degradanti fi żmien gvernijiet Nazzjonalisti.
L-operat tal-Malta MedAir hu totalment indipendenti minn dak tal-Air Malta u qed jopera fuq business plan totalment separat li fil-biċċa l-kbira tiegħu jinkludi l-kirja lura lill-Air Malta tal-landing rights ta’ Heathrow u ta’ Gatwick. Ix-xiri ta’ dawn is-slots kien sar proprju biex ikun hemm protezzjoni u użu aktar favorevoli ta’ dan l-ass. Il-kumpanija qiegħda wkoll timraħ f’oqsma oħra fosthom li toffri konsulenza lil kumpaniji oħra fit-twaqqif ta’ AOCs f’Malta u li tkun mekkaniżmu ta’ finanzjament għax-xiri ta’ ajruplani.
Huwa totalment mhux minnu li r-riżultat ta’ profitt li rreġistrat l-Air Malta hu dovut għal xi sussidju ta’ entitajiet jew ta’ kumpaniji oħra tal-gvern. It-trasferiment tal-landing rights imsemmija fl-istess stqarrija sar biex jiġu protetti l-istess assi fl-interess nazzjonali fil-każ rimot li l-Air Malta tieqaf topera. Dak li qed jingħad fl-istqarrija, li l-MedAir qiegħda b’xi mod tħallas impjegati jew b’xi mod ittaffi mill-ispejjeż ta’ pagi mis-sezzjoni tal-Ground Handling huwa totalment falz u gideb sfaċċat.
Il-qligħ li ġie rreġistrat mil-linja nazzjonali tal-ajru huwa qligħ operattiv u għalhekk m’għandux x’jaqsam mad-dħul irreġistrat mit-trasferiment tal-landing rights ta’ Gatwick u ta’ Heathrow.
Għal darba oħra jidher li l-Oppożizzjoni ma qabilx għal widnejha l-fatt li kumpanija oħra nazzjonali llum ġiet fuq saqajha. Il-Ministru Konrad Mizzi jieħu din l-opportunità li jirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-linja nazzjonali tal-ajru li flimkien magħhom u mal-istakeholders kollha għall-ewwel darba l-linja tal-ajru nazzjonali rreġistrat profitt.