David Sant u Carol Bonnici, infermieri u nursing aid li kienu jaħdmu fl-isptar Karen Gcech instabu ħatja li kkaġunaw il-mewt ta’ John Darmanin ta’ 64 sena meta spiċċa faga fl-ikel wara li ħallewh jiekol waħdu. Il-każ seħħ f’Marzu tal-2012 meta l-ħaddiema kienu assenjati li jieħdu ħsieb ir-raġel li kien intlaqat minn attakk ta’ puplesija. Dan bil-konsegwenza li beda jbati biex jiekol u kellu jingħata biss ikel mgħaffeġ taħt superviżjoni.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li żewġ ħaddiema naqsu minn dmirijiethom u ttraskuraw lil Darmanin fil-ħin tal-ikel. Madankollu nnotat li Sant u Bonnici kienu ddedikati f’ħidmietom tant li dakinhar daħlu kmieni għax-xogħol. Qalet ukoll li t-traskuraġni ma saritx b’kapriċċ iżda għax kienu b’xogħol ieħor.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti kkundannathom multa ta’ ħdax-il elf ewro bejniethom wara li qieset li ma kienx hemm lok ta’ sentenza ta’ ħabs.