Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li mhux se jgħid x’fihom id-dokumenti li għadda lill-Pulizija biex tinvestigahom għax qal li jkun qiegħed jippreġudika l-investigazzjonijiet tal-pulizija.
F’konferenza tal-aħbarijiet tard is-Sibt filgħaxija, Delia kien mistoqsi għal darba tnejn mill-ġurnalisti biex jgħid x’inhuma d-dokumenti li għadda lill-Pulizija biex tinvestiga għax skontu ġew iffalsifikati.
Delia ddikjara dan fl-istess nifs li qed issejjaħ għall-pubblikazzjoni sħiħa tal-inkjesta Egrant li bħalissa tinsab għand il-Pulizija biex tinvestiga d-dokumenti ppreżentati fl-inkjesta, fosthom mill-id il-leminija tiegħu Pierre Portelli, li rriżulta li kienu ġew iffalsifikati.
Fix-xhieda tiegħu fil-kawża li fetaħlu l-Kap Nazzjonalista, l-Avukat Ġenerali qal li ma ħassx li kellu jippubblika l-inkjesta b’mod sħiħ għax hemm partijiet li jeħtieġu li jiġu investigati f’iktar dettall u jekk jiġu ppubblikati dawk il-partijiet ikunu qed ixekklu investigazzjonijiet kriminali li jistgħu jsiru fil-futur fost affarijiet oħra.
Ironikament il-Kap Nazzjonalista spiċċa jtenni l-istess argumentazzjoni tal-Avukat Ġenerali biex ma jippreġdukax l-investigazzjoni li talab biex jiġi investigat kif ħarġet informazzjoni dwaru.
Iżda fil-każ Egrant qiegħed jużu riga differenti u lest ixekkel il-proċess tal-ġustizzja li għandu jara li jiġi stabbilit min kien wara l-frame up li sar fuq il-Prim Ministru u familtu b’din l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna.