Dan Juan Scerri ta’ ħmistax-il sena – li solva r-Rubik’s Cube fi dsatax-il sekonda punt erbgħa ħamsa, u b’hekk ġie rikonoxxut minn Malta Records bħala l-iktar veloċi f’pajjiżna.
Fi klassi fil-Kulleġġ San Benedittu ltqajna miegħu, fejn flimkien ma’ sieħbu Erik Canova kienu qed jipprattikaw isolvu din il-logħba ta’ taħbil il-moħħ.
Jekk kien hemm elementi li wasslu lil Juan għal dan is-suċċess, kienu l-persistenza u d-determinazzjoni li jasal fejn jixtieq.
Fil-fatt, spjegalna li beda s-sekondarja fuq sieq ħażina, imma ddeċieda li jagħmel bidla.
“Li dejjem tkun trid li timxi ’l quddiem…Wara qatgħa li ħadt fil-Form 1 iddeċidejt li nibda nistudja iktar u li mmur tajjeb fl-iskola. U b’ħafna determinazzjoni rnexxili. Iġifieri la jirnexxi lili jirnexxilu kulħadd, mhux xi ħaġa impossibbli” qal Juan.
Fl-istess klassi ltqajna ma’ Constantin Alexandru u Shania Formosa, li kienu qed jitgħallmu s-sekwenza tal-Pi.
Numru li bosta jiftakru mill-lezzjonijiet tal-matematika, u li l-frazzjonijiet tiegħu huma infiniti.
Flimkien ma’ Juan, Constantin – ta’ sbatax-il sena – kiseb rekord nazzjonali ieħor, billi ftakar seba’ mija u tnejn u sebgħin numru f’din is-sekwenza.
“I felt like I had the urge to do something like a hobby… And as I love maths I took it as a chance to improve my memory” qalet Costantin.
U b’hekk il-persistenza ta’ dawn iż-żgħażagħ wasslithom biex jiġu rikonoxxuti bħala l-aqwa f’pajjiżna fi sfidi li madwar id-dinja jiġbdu l-kompetizzjoni ta’ eluf.