Il-Fondazzjoni Simon Schembri – BLUE LIGHT mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha. Dan biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati u paramediċi li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijietom.
F’attività l-Ħadd filgħodu organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi li rat il-parteċipazzjoni tal-forzi dixxiplinati f’pajjiżna, il-fundatur tal-Fondazzjoni s-Surġent Simon Schembri qal li fost l-għajnuna li toffri ‘Dar Simon Schembri’ hemm dik psikoloġika u professjonali.
“Biex aħna nkunu nistgħu nilqgħu lil minn jiġi ferut jew iweġġa’ fuq il-post tax-xogħol biex ngħinu kemm lilhu u anke l-familjari tiegħu u nilqgħuhom ġewwa d-dar tagħna.”
Sa mit-twaqqif tagħha, il-Fondazzjoni kellha l-għan li tikkampanja għal skema ta’ assigurazzjoni għall-membri tal-forzi tal-ordni. Is-Surġent Schembri nnota li din twettqet mill-Gvern tal-ġurnata u l-pass li jmiss hu li l-fondazzjoni toffri għajnuna permezz ta’ professjonisti fosthom psiko-soċjali.
“Dan se jkun post fejn dak li jkunu jiġi b’xejn u aħna nagħtuhom dak kollhu li jkollhom bżonn u nigwidawhom fejn ikollhom bżonn” qal Schembri.
Intant, l-attivita’ tal-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi rat il-parteċipazzjoni ta’ 10 entitajiet anke jekk il-fondazzjoni Blue Light tinkorpora fiha 5 entitajiet.
Is-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula qal li ġew mistiedna entitajiet oħra għax huma wkoll jagħtu sehemhom għall-ġid tas-soċjetà.
“Entitajiet oħra li jaħdmu f’dan ix-xogħol li jagħmlu l-entitajiet affiljati mal-‘Blue Light’, fosthom id-Dwana, l-‘Cleansing Directorate’ u rajna fil-maltempata li kellek entitajiet oħra bħal LESA li huma kollha ‘Law Enforcements.”
Min attenda seta jara x-xogħol li jagħmlu dawn l-entitajiet, b’diversi ‘stands’ informattivi. Iżda mhux biss spjega s-Sur Mula.
“Kellna 3 wirjiet mit-taqsimiet tal-klieb, tad-dwana, tal-pulizija u tal-ħabs. Kellna ż-żwiemel tal-pulizija fejn it-tfal setgħu jirkbu fuq iż-żwiemel tal-Pulizija. Kellna l-Protezzjoni Ċivili li taw demostrazzjonijiet fuq tifi tan-nar. Kellna wkoll ambulanzi li taw demostrazzjoniijiet fuq x’wieħed għandu jagħmel jekk jifga.”
L-attivita’ rat ukoll wirja statika tal-karozzi tal-Pulizija u diversi attivitajiet tat-tfal.