Kważi nofs miljun ewro f’ċekkijiet u depożiti fi flus kontanti daħlu f’kont bankarju f’Jersey f’isem il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Żvelat dan il-gazzetta The Sunday Times of Malta l-għada li Delia sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet ta’ malajr u biex jiġi investigat kif ħarġet informazzjoni dwaru.
L istorja tmur lura għas-snin elfejn meta allegatament Delia kien involut f’każ ta’ ħasil ta’ flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni.
L-allegazzjonijet saru mill-blogger Daphne Caruana Galizia fl-eqqel tal-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Galizia allegat li mal-20 elf sterlina fix-xahar kienu jidħlu fil-kont ta’ Delia. Flus li allegatament kienu ġejjin minn kirjiet ta’ proprjeta li kienet qed tintuza għall-burdell f’Soho.
F’konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ wara li rċieva mistoqsijiet minn The Times, Delia qal li talab lill-Pulizija tinvestiga dawk li sejjaħ dokumenti b’firem foloz li kienu għand it-Times.
It-Times irrapportat li skont tagħrif li wasal għandha, investigazzjoni tal-FIAU kkonkludiet li kien hemm informazzjoni biżżejjed li turi li l-kont li kellu Delia f’Jersey seta’ ntuża għall-ħasil tal-flus.
Fir-rapport jingħad li għaddew kważi 350,000 sterlina fi flus kontanti u ċekkijiet li ġew iddepożitati fil-kont ta’ Jersey.
Ingħad li waqt li Caruana Galiza qalet li kienu jgħaddu 20 elf fix-xahar, l-investigaturi sabu li kienu jiġu ddepożitati bejn 400 u sittax-il elf sterlina.
Jingħad li l-ammonti kbar li ġew ittrasferiti u l-mod kif kienu qed jiġu ddepożitati wasslu lill-investigaturi biex jikkonkludu li dawn ma kinux flus ġejjin minn kirjiet.
It-Times żiedet tallega li l-fondi mill-kont ta’ Delia ġew ittrasferiti f’żewġ kontijiet fl-Iżvizzera, u f’kont fil-Bank of Valletta ta’ kumpanija li l-benefiċċjarji tagħha huma sidien fil-Bahamas li ħadd ma jaf min huma u li minn tal-inqas kellhom xi proprjetajiet li kienu jintużaw bħala briedel.
Mistoqsi mill-ġurnalisti jispjega għaliex mexxa l-flus fl-Iżvizzera, Delia flimkien mal-id il-leminija tiegħu Pierre Portelli rrifjutaw li jwieġbu u ħarġu ‘l barra.