Wara 18-il sena, il-linja nazzzjonali tal-ajru l-Air Malta rreġistrat qligħ operattiv ta’ miljun u mitejn elf ewro.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Air Malta. Qal li dan huwa attribwit għall-istrateġija ta’ tkabbir li giet adottata. Fakkar kif l-Air Malta llum qiegħda topera flotta ta’ ajruplani akbar u imbarkat fuq process li tibdel il-flotta biex ikollha ajruplani aktar moderni.
Dr Mizzi faħħar il-ħaddiema tal-Airmalta u rrikonoxxa x-xogħol li għamlu.
Saħaq li huwa joħlom kif l-Airmalta tkompli tara tkabbir u ttir lejn iżjed ajruporti prinċipali madwar id-dinja.
“Noħlom li nara s-salib tagħna l-Maltin, li jagħti identità li jkun fuq ir-runways ta’ wħud mill-akbar ajruporti fid-dinja”, qal il-Ministru Konrad Mizzi.
“Flimkien ktibna kapitlu ġdid fl-istorja tal-Airmalta u ejja nkomplu niktbu s-suċċess għal-linja tal-ajru nazzjonali tagħna”, temm jgħid il-Ministu Mizzi.
Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Airmalta Charles Mangion innota li apparti l-profitt ta’ 1.2 miljun ewro, l-Airmalta rreġistrat titjib ta’ 12-il miljun fuq is-sena ta’ qabel.
Dan għall-fatt li s-sena l-oħra l-Airmalta kellha telfa ta’ 10.8 miljun ewro.
Qal li fis-settur tal-avjazzjoni l-kompetizzjoni ħraxet iżda f’dan il-kuntest qal li l-Airmalta tilqa’ dawn l-isfidi u għamlet il-linja tal-ajru bħala waħda vijabbli.
Hawnhekk in-Nutar Charles Mangion innota li d-dħul tal-Airmalta żied b’5.3 miljun ewro filwaqt li l-ispiża biex il-kumpanija tal-ajru topera naqqset b’6.7 miljun ewro.
Ġie spjegat ukoll li matul is-sena finanzjarja tal-Airmalta kien hemm żieda ta’ 168,000 passiġġieri, 11% iżjed rikbu mal-Airmalta mis-sena ta’ qabel.
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-Airmalta, il-Kaptan Clifford Chetcuti semma l-21 rotta ġdida tal-Airmalta u kif ir-ristrutturar li twettaq ikkontribwixxa għal dan il-qligħ storiku.
Spjega li fuq medda ta’ ħames snin hemm il-ħsieb li l-flotta tal-Airmalta kollha tiġi aġġornata b’ajruplani ġodda tat-tip A320 NEO.
“Il-viżjoni tagħna ta’ linja tal-ajru tal-Mediterran qed tasal iżjed bit-tir tagħna li nidħlu fis-suq Skandinavu u dak tal-Ewropa tal-Lvant”, saħaq il-Kaptan Chetcuti.
Il-Kap Eżekuttiv spjega wkoll li għall-viżjoni fit-tul, l-Airmalta qed tħares lejn destinazzjonijiet iżjed mbiegħda bħall-Amerka u l-Indja.