ARA: Malta eżempju għal pajjiżi oħra fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-fondi Ewropej – One News

Notifiki

ARA: Malta eżempju għal pajjiżi oħra fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-fondi Ewropej

“Malta eżempju għal pajjiżi oħra fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-fondi Ewropej, liema proġetti bla dubju għandhom impatt fuq it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż” – il-Kummissarju Ewropew Corina Crețu

Għal darb’oħra, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Politika Reġjonali Corina Crețu faħħret lil pajjiżna għall-użu effiċjenti li qed jagħmel mill-fondi Ewropej. Din id-darba Corina Crețu ddeskriviet lil Malta bħala eżempju għal ħafna pajjiżi oħra f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni ta’ proġetti u ta’ inizjattivi ffinanzjati minn fondi Ewropej.

“Malta għandha tkun imfaħħra għall-użu effiċjenti tal-fondi Ewropej”, qalet il-Kummissarju Ewropew f’dikjarazzjoni li għamlet f’filmat dwar is-suċċess tal-Gvern Malti li laħaq il-miri finanzjarji tiegħu għas-sena 2018.

“Tliet snin wara l-bidu tal-programm ta’ fondi, Malta laħqet il-miri finanzjarji tagħha. Dan ifisser li l-flus li ġew kommessi qed jintużaw kollha u fil-ħin.”

Iktar minn hekk il-Kummissarju rrimarkat li Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ proġetti approvati fl-Unjoni Ewropea. “Dawn il-proġetti għenu biex tejbu l-ħajja ta’ kuljum tal-poplu Malti. Il-fondi ġew investiti fl-edukazzjoni, fil-ħiliet ġodda, fit-trasport sostenibbli, fl-infrastruttura kif ukoll fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-fruntieri u fl-għajnuna lin-negozji.”

Il-Kummissarju qalet li ma jistax jiġi miċħud li dawn il-proġetti kellhom impatt fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna u fuq l-iżvilupp sostenibbli. “Malta għandha tieħu l-mertu ta’ dawn il-kisbiet li jawguraw tajjeb għall-preparazzjonijiet għall-programm ta’ fondi li jmiss. Hu ċar li Malta hi ta’ eżempju għal pajjiżi oħra fl-implimentazzjoni tal-fondi Ewropej.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend