Bit-terminu ta’ żmien doppju li ngħata r-Renju Unit dwar Brexit, qed jingħata l-messaġġ li wasal iż-żmien biex kif qalet il-Prim Ministru Ingliż Theresa May, jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu.
Sostna dan il-Prim Ministru Joseph Muscat fi tmiem is-summit Ewropew tar-Rebbiegħa fi Brussel li ddeċieda li jagħti ċans sat-22 ta’ Mejju f’każ li l-Parlament tar-Renju Unit jaċċetta l-ftehim ta’ Brexit u fin-nuqqas għandu sat-12 t’April biex jiddeċiedi it-triq ’il quddiem.
Saħaq li din id-deċiżjoni mhux biss tagħti iżjed żmien biex l-Ewropa tħejji għall-eventwalità ta’ Brexit bla ftehim imma tħalli l-bieb iżjed miftuħ lir-renju unit sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu.
“Inħallu l-bieb miftuħ li jekk ikun hemm zvilupp ieħor fir-Renju Unit dan l-iżvilupp ikun jista’ jagħti n-nifs lil kulħadd u żgur ma tkunx is-sitwazzjoni li l-UE tiġi akkużata f’mument jew ieħor li tkun hi li waddbet lir-Renju Unit ‘il barra,” qal il-Prim Ministru.
Dr Muscat saħaq li din id-deċiżjoni hi turija ċara li l-Ewropa ma fadlilha xejn iżjed x’tagħmel ħlief li tipprepara għall-agħar eventwalità.
Dwar ir-rabtiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea maċ-Ċina, Dr Muscat qal li rridu naġixxu fuq dak li nippriedkaw dwar is-suq miftuħ u għallhekk nkunu miftuħin għal waħda mill-akbar ekonomiji tad-dinja.
“Jien waqt li nifhem in-nervożiżmu ta’ xi wħud ma nixtieqx li dik tkun skuża jew kelma oħra għal protezzjoniżmu li għax m għandekx kumpaniji li mhumiex kapaċi jlaħħqu mat-teknoloġija li qed tiġi żviluppata fiċ-ċina hemmhekk tibda toħloq ir-raġunijiet għax m ghandhomx jikkompetu,” kompla jgħid.
Madankollu saħaq li jrid ikun hemm level-playing field billi nkunu ċari mal-investituri Ċiniżi li l-mod kif joperaw fl-Ewropa irid ikun skont ir-regoli Ewropej.
Il-Prim Ministru temm jgħid li, min-naħa l-oħra, huwa importanti li teknoloġiji li jiġu żviluppati fl-Ewropa jigu inċentivati jibqgħu fl-Ewropa, u għalhekk trid tiġi reveduta l-politika industrijali tal-Unjoni Ewropea.