Amy Carabott studenta ta’ sittax-il sena minn Ħal Qormi rebħet il-premju Anna Muscat Azzopardi wara li renexxielha tikseb l-ogħla marka f’Malta fl-O’level tal-Malti li sar is-sena li għaddiet.
Amy li għandha għall-qalbha ħafna l-ilsien Malti ħadet l-edukazzjoni tagħha fil-Kulleġġ San Injazju, sitt snin fil-primarja u ħames snin fi ħdan l-iskola medja tal-Ħandaq.
Ma’ ONE NEWS qalet li sa minn ċkunitha kienet tħobb ħafna taqra bil-Malti u dejjem għamlet ħilitha biex iġġib l-aqwa riżultati. Qalet li wara dan ir-riżultat kien hemm ħafna safrifiċċji.
“Bdejt nibża’ ħafna pero’ bqajt għaddejha dejjem u kont xortija tajjeb li mort tajjeb. Taqtawx qalbkom, tarawha diffiċli ħafna imma jgħaddu wkoll,” qalet Amy.
Missierha Charlot attribwixxia s-suċċess ta’ bintu għall-bosta fatturi fosthom l-imħabba għall-qari u d-dedikazzjoni tal-għalliema tal-Kulleġġ.
“Kien sehem Amy li għamlitu kollu billi kienet tistudja ħafna. Naturalment kienet tieħu interess fit-tgħallim minn żgħira, naħseb sehem tagħna l-ġenituri li dejjem rabbejniha, mill-bidu nett – tħobb il-kotba, tħobb it-tagħlim u sehem ukoll tal-iskola, li ta’ min irid jgħid li Amy hi prodott tas-sistema edukattiva tal-gvern, minn kindergarden sal-form 5,” qal Missier Amy.
Amy qed tkompli bl-istudji tagħha fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi bis-suġġetti ewlenin ikunu l-bijoloġija u l-kimika.
Ix-xewqa tagħha hi tidħol l-Università u tistudja l-mediċina.
Il-Kap tal-Iskola tal-Kulleġġ San Injazju tal-Ħandaq, Maria Montebello ddeskriviet lil Amy bħala studenta bil-għaqal u eżemplari għal studenti oħra li fil-ġimgħat li ġejjin se jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC.
“Dan huwa mertu għal ġenituri tagħha li akkumpanjawha matul dan iż-żmien. Huwa mertu wkoll għall-għalliema dedikati ta’ dan il-kulleġġ li akkumpanjaw ukoll lil din l-istudenta mill-bażi sakemm komplew mixjin magħha, sat-triq tal-eżami tal-Matsec u huwa wkoll mertu, kif qegħdin ngħidu għal din l-istudenta bilgħaqal,” qalet is-Sinjura Montebello.
F’laqgħa fil-Ministeru tal-Edukazzjoni li matulha ġiet ippreżentata b’tifkira tal-okkażjoni, il-Ministru Evarist Bartolo feraħ lil Amy u qalilha biex waqt li tieħu pjaċi bis-suċċess li kisbet iżżomm dejjem saqajha mal-art.