Tnediet l-iskema Equity Release’ li għandha l-għan tgħin rġiel u nisa pensjonanti li huma sidien ta’ darhom biex itejbu u jgħollu d-dħul tagħhom. Dan jagħmluh mingħajr il-bżonn li jbigħu darhom, iżda jibqgħu jgawduha sal-aħħar nifs ta’ ħajjithom.
Din il-miżura tista’ titwettaq wara li l-Gvern bidel il-liġi u se tippermeti istituzzjonijiet finanzjarji u banek jagħtu pensjoni addizzjonali lill-anzjani li titħallas lura wara mewthom.
Din titħallas meta tinbiegħ id-dar, bil-bqija tal-kapital mill-bejgħ jeħduh il-werrieta kif stipulat fil-wirt.
Is-Sur Alfred Mifsud li mexxa t-taskforce li ħarġet b’din l-iskema, saħaq kif persuna tista’ tieħu sa 60% ta’ kemm tiġi stmata d-dar.
L-imgħax se jkun fiss skont rata maqbula bejn il-pensjonant u l-istituzzjoni finanzjarja meta jiġi ffirmat il-kuntratt.
“Jixtiequ jgħixu fi djarhom, pero għandhom dar tiswa ħafna flus imma l-lifestyle tagħhom bil-pensjoni mhux bizejjed, allura jillikwida biċċa mid-dar tiegħu u li fuqha ma jħallsux immedjatament,” qal is-Sur Mifsud.
Is-Sur Mifsud spjega kif l-imgħax fuq il-flus mislufa lill-anzjani matul ħajjithom jinqata’ mill-kapital wara mewthom jew meta l-proprejatrju jiddeċiedi li tinbigħ id-dar. Hawnhekk id-dħul mill-bejgħ tad-dar jinqasam fi tlieta, ammont ekwivalenti għall-pensjoni li jkun ħa l-anzjan matul ħajtu, ammont għall-imgħax dovut fuq is-somma, u l-bqija jeħduh il-werità.
“Titħallas mal-mewt tat-tieni parti, is-surviving partner jew inkella meta jiddeċiedi li ma jgħixux fid-dar u allura b’mod permanenti f’dar tax-xjuħ, f’dak il-punt hemm 3 snin feJn il-werrieta jew ikunu għadhom ħajjin il-pensjonanti jistgħu jagħmlu arranġamenti biex ibigħu d-dar tagħhom,” kompla jgħid.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li din l-iskema hi miżura bil-għan li tkompli tibni fuq l-għajnuna li l-gvern ta lill-pensjonanti. Spjega kif din l-iskema se tkun waħda volontarja.
“L-ewwelnett hi skema volontarja għal dawk l-anzjani li għandhom propjeta’ tagħhon u jridu jibqgħu jgħixu fiha, pero’ jridu jissupplimentaw il-pensjoni tagħhom permezz ta’ dħul mogħti lill-bank li mbagħad id-dar wara mewthom tinbiegħ mill-erredi għal prezz li jridu huma, imbagħad il-bank jieħu l-parti tiegħu,” qal il-Professur Scicluna.
Il-Ministru Scicluna qal li d-dħul addizzjonali li l-pensjonanti se jirċievu b’din l-iskema mhux ser ikun taxxabbli.