Bħal-lum tliet snin seħħew l-attakki terroristiċi fi Brussell. 32 persuna tilfu ħajjithom f’żewġ splużjonijiet fl-Ajruport ta’ Zaventem u fi stazzjon tal-Metro qrib iċ-ċentru tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Dakinhar fl-ajruport kien hemm Lorenzo Vella, Malti li kien se jsiefer flimkien ma’ martu u li kien wieħed minn iżjed minn 300 persuna li ndarbu.
Ma’ ONE News qasam l-esperjenza tiegħu ta’ dak li ġara dakinhar.
“Niftakar il-mument tal-isplużjoni tal-ewwel terrorist li sploda lilu nnifsu u l-pakkett li kellu miegħu warajna. Niftakar it-tieni splużjoni li kienet naqra iktar ‘l isfel minna.”
Lorenzo kien indarab serjament malli ntlaqat minn biċċiet tal-isplussiv f’dahru, tant li bilkemm seta’ jiċċaqlaq.
“Niftakar il-mara tiegħi tgħidli li għandna bżonn noħorġu min hemmhekk għax l-attentati jidhru li mhux ħa jieqfu.”
Memorji koroh, li ma jintesewx malajr.
“It-tbatija mentali tibda tolqtok l-iktar wara ċertu ammont ta’ żmien, meta tirealizza min xiex tkun għaddejt u kemm tkun mort viċin il-mewt.”
L-esperjenza mill-qrib mat-terroriżmu ġabet bidliet fl-ħajja ta’ Lorenzo, speċjalment meta jkun fil-pubbliku.
“Ma tkunx tista titla’ fuq trasport pubbliku għax tibda tibża’ li jkun hemm attakk ieħor.”
Fil-jum tal-Ġimgħa ttelllgħu diversi vġili għall-vittmi. Lorenzo fisser magħna s-sentiment li ħass meta matul il-jum, żar il-vġili sar fl-ajruport.
“Mument diffiċli għal kulħadd imma tieħu pjaċir tiltaqa’ ma’ nies oħra li għaddew mill-istess affarijiet bħalek u li għadhom għaddejjin mill-istess affarijiet sal-lum il-ġurnata.”
Wara li fil-ġimgħat u x-xhur ta’ wara l-attakk żdiedet il-preżenza tal-armata fil-postijiet pubbliċi ta’ Brussell, illum din il-preżenza ftit ftit bdiet tonqos.
“Ippruvaw jnaqqsu dak l-ambjent ta’ kontroll pero l-kontroll għadu jsir imma mhux daqs kemm isir daqs sena u nofs ilu.”
Iżda għal Lorenzo, din tibqa’ esperjenza li se jġorr miegħu għal bqija ta’ ħajtu.
“L-esperjenza kollha tibqa’ mnaqqxa fil-ġebel u ma tinsiha qatt.”