Brexit mistenni jkun pospost sat-22 ta' Mejju li ġej | One News

Notifiki

Brexit mistenni jkun pospost sat-22 ta’ Mejju li ġej

Il-Mexxejja Ewropej mistennija jaqblu li Artiklu 50, li jiggarantixxi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, jiġi estiż sat-22 ta’ Mejju li ġej. Dan kien deċiż waqt is-Summit tar-rebbiegħa tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, li din is-sena kien iddedikat għat-talba tal-Prim Ministru Ingliż Theresa May biex id-data ta’ Brexit, li oriġinarjament kellha tkun id-29 ta’ Marzu, tkun posposta. L-Unjoni Ewropea qalet li l-estensjoni tkun garantita jekk il-Parlament Ingliż f’Westminster japprova l-abbozz dwar Brexit qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li kien preżenti waqt dan is-summit, kien diġà ddikjara li l-Gvern Malti li jaqbel mal-estesjoni ta’ Brexit, diment li dan isir bi ftehim. Fost l-impenji tiegħu, il-Prim Ministru Muscat kellu laqgħa mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk qabel ma bdew id-diskussjonijiet. F’kummenti lill-midja, il-Prim Ministru Muscat qal li l-Unjoni Ewropea trid tkun lesta għal kull eventwalità, anke jekk l-eventwalità ċara hija li r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim.

Il-President Tusk kien qal sigħat biss qabel is-summit ta’ din is-sena li estensjoni qasira ta’ Brexit kapaċi tkun possibbli, bil-kundizzjoni li dan isir b’vot pożittiv minn Westminster.

Is-Summit tar-rebbiegħa se jkompli l-Ġimgħa, u mistenni jiddiskuti wkoll summit li se jsir fiż-żmien li ġej maċ-Ċina, u se jfakkar il-25 anniversarju taż-Żona Ekonomika Ewropea. Dan filwaqt li l-Mexxejja taw ħarsa wkoll lejn id-direzzjoni ġenerali li qed tittieħed biex l-Unjoni Ewropea timplimenta strateġija fit-tul dwar il-Ftehim ta’ Pariġi sas-sena 2020.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend