58 tarbija mistennija jitwieldu minn ċikli tal-IVF li saru s-sena li għaddiet – bejn f’Mater Dei u fil-privat.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, fejn kien spjegat li matul l-2018 saru 246 ċiklu, li rriżulta f’56 tqala, b’10 minnhom sfortunatament korrew.
Dan fisser li 46 tqala intemmu b’suċċess, b’żieda fir-rata ta’ suċċess ta’ kważi tnejn fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne innota kif minn mindu s-servizz tal-IVF beda jingħata mingħajr ħlas f’Mater Dei, 157 tarbija twieldu permezz ta’ dan il-proċess.
Innota wkoll kif fl-2018 daħlu fis-seħħ emendi ġodda fil-liġi tal-IVF.
“Wara li s-sena li għaddiet daħħalna emendi ġodda fil-liġi tal-IVF. Mill-34 persuna li għamlu ċiklu 27 hadu l-option li jużaw l-emendi l-ġodda, jigifieri il-faċilitajiet il-ġodda li daħħalna mil-liġi, u jfisser li ntlaqa’ tajjeb u qed ikollna suċċessi permezz tagħha,” qal Mister Fearne.
L-emendi l-ġodda fissru, fost oħrajn, li setgħu jiġu ffertilizzati ħames bajdiet, flok tnejn, u l-iffriżar tal-embrijuni.
B’hekk tingħata opportunità ikbar li l-mara tinqabad tqila, fl-istess waqt li jitnaqqsu l-inkonvenjenti ta’ proċeduri ripetittivi u invażivi.