Malta taqbel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, dwar it-tibdil fil-klima, kif riflessa fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2021-2027. Din il-proposta qed tħeġġeġ lill-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, filwaqt li jivestu aktar fi transizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Dan qalitu l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Dr Helena Dalli waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Dalli stqarret li Malta taqbel mal-impenn tal-integrazzjoni klimatika, però qalet ukoll li l-esperjenza s’issa urietna kemm huwa diffiċli li bħala Unjoni Ewropea nilħqu l-miri li għamilna aħna stess, u għalhekk jeħtieġ li jkollna miri li jistgħu jintlaħħqu u li jissarfu f’riżultati pożittivi u tanġibbli. Il-Ministru Dalli saħqet fuq l-importanza li r-realtajiet speċifiċi ta’ ċertu Membri Stati jkunu kkunsidrati u li jingħataw il-flessibilità biex ifasslu l-investiment meħtieġ skont il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Ministru Dalli semmiet il-bidla li saret f’Malta fil-qasam tal-enerġija, fejn saret il-qalba mill-Heavy Fuel Oil għall-gass u li ssarfet fi tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja bħala eżempju ta’ kif bidla fil-politika tista’ twassal għall-benefiċċji.
Dwar l-immigrazzjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, fakkret kif il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jesiġu li inizjattivi dwar l-immigrazzjoni għandhom ikunu flessibbli biżejjed biex il-fondi jkunu jistgħu jitqassmu fejn ikun meħtieġ, mingħajr dewmien. Il-Ministru Dalli saħqet fuq il-bżonn li jkun hemm qbil komprensiv fuq is-Sistema Komuni Ewropea dwar l-Ażil.
Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali ltaqa’ wkoll fil-format ta’ 27, fejn kienu diskussa l-aħħar żviluppi fil-proċess tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, inkluż il-possibiltà li tingħata estensjoni lir-Renju Unit.
Il-Ministru Dalli ħadet sehem ukoll f’laqgħa fuq inizjattiva tal-Belġju u l-Ġermanja, dwar proposta ta’ ‘Periodic Peer Review Mechanism’ fuq is-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea. Malta taqbel mal-prinċipji ġenerali ta’ din il-proposta bil-għan li jkun introdott mekkaniżmu fuq bażi annwali li janalizza s-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea, u li jikkumplimenta l-provedimenti tat-Tratti tal-Unjoni Ewropea dwar id-djalogu dwar l-istat tas-saltna tad-dritt. Il-Ministru Dalli rrimarkat li Malta tagħti importanza lil dan is-suġġett u temmen li mekkaniżmi simili u eżistenti fin-Nazzjonijiet Uniti jistgħu jservu ta’ eżempji li fuqhom jiġi mfassal dan il-mekkaniżmu fl-Unjoni Ewropea.