Il-poplu Malti kklassifika fit-22 post minn 156 pajjiż fir-rapport dinji li jkejjel il-kuntentizza. Ir-rapport li jiġi ppubblikat kull sena fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Kuntentizza tħejja min-Network għal Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għan-Nazzjonijiet Magħquda.Ir-rapport jikklassifika l-pajjiżi fuq sitt indikaturi fosthom il-ġenerożità, il-governanza t-tajba, id-dħul finanzjarju, il-fiduċja, il-libertà fil-pajjiż, is-saħħa u l-għajnuna soċjali.
Dan ir-rapport juri li Malta kompliet tavvanza ‘l quddiem. Fil-fatt fl-indiċi għas-sena li għaddiet Malta avvanzat ħames postijiet, mis-sebgħa u għoxrin post għat-tnejn u għoxrin post.
Ir-rapport li fih aktar minn mija u tletin paġna juri li fost l-aktar għaxar pajjiżi kuntenti fid-dinja kien hemm il-Finlandja, id-Danimarka, in-Norveġja, l-Islanda, l-Olanda, l-Iżvizzera, l-Iżvezja, New Zealand, il-Kanada u l-Awstralja.
Ir-rapport juri li l-kuntentizza tal-Maltin hija f’livelli aktar għolja minn dik tal-Franċiżi li kklassifikat fl-24 post, l-Ispanjoli li kklassifikaw fit-30 post u t-Taljani li kklassifikaw fis-36 post. L-Amerikani kklassifaw fid-19-il post, tliet postijiet aktar minn Malta.
Mill-banda l-oħra, l-aktar popli mhux kutenti fid-dinja kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom fil-kontinent Afrikan, fosthom fis-South Sudan, ir-Repubblika Centrali Afrikana, l-Afghanistan, it-Tanżanija u l-Irwanda.