Għall-ewwel darba, l-Iskola Nazzjonali tal-isport qed tagħti 27 student li jispeċjalizzaw fil-futbol, l-opportunità li jipparteċipaw f’kamp ta’ taħriġ barra l-pajjiż. Dan il-grupp ta’ studenti se jieħdu sehem f’kamp ta’ taħriġ ta’ erbat ijiem f’Belgrad is-Serbja bejn il-25 u d-29 ta’ Marzu.
L-istudenti se jitħarrġu u jikkompetu fl-akkademji tal-futbol professjonali Red Star Belgrade, Partizan Belgrade u Cukaricki. L-istudenti se jkunu taħt it-tmexxija tal-kowċis tal-futbol tal-iskola, is-Sur Paul Zammit u s-Sur Stefan Sultana.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u l-Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li dan il-kamp se jkun ta’ esperjenza unika għall-istudenti, iżda dawn l-istudenti se jkunu esposti għall-osservazzjoni mis-Serbia FA.
“Jiena ċert li din se tkun ta’ esperjenza kbira għall-istudenti tagħna, u nispera li jagħmlu l-aħjar użu minnu. L-Iskola Nazzjonali tal-Isport għandha l-għan li tkompli torganizza kampijiet simili f’dixxiplini oħra sabiex ikompli jintlaħaq l-għan ewlieni tal-istrateġija nazzjonali għall-isport, dik li jkompli jogħla l-livell tal-isport Malti” qal is-Segretarju Parlamentari Grima.
Il-kowċis tal-futbol u l-amministrazzjoni tal-iskola li se jakkumpanjaw lil dawn il-plejers żgħażagħ se jkollhom ukoll l-opportunità li jitħarrġu u jaqsmu l-aħjar prattika mal-kowċis professjonali.
Il-Kap tal-iskola Robert Magro huwa l-moħħ wara din l-inizjattiva, u li ħadem ħafna biex jipprovdi lil dawn l-istudenti żgħażagħ bl-opportunità li jesperjenzaw xi tfisser li tipprattika l-isport favorit tagħhom b’mod professjonali.
L-Iskola Nazzjonali tal-Isport ilha topera mill-2012 u toffri lill-isportivi żgħażagħ, l-opportunità li jkomplu jipprattikaw l-isport tagħhom u fl-istess ħin ikomplu l-istudji tagħhom fil-livell sekondarju.