Il-festa Irlandiża ta’ San Patrizju ta’ din is-sena kienet l-akbar waħda li qatt saret għal dawn l-aħħar seba’ snin. Hekk saħaq magħna Victor Aquilina, wieħed mill-pijunieri ta’ din il-festa li bdiet tiġi ċċelebrata f’San Ġiljan mill-2007.
“Kienet tajba kien hawn rekord ta’ nies- naħseb kien hawn 25-30,000 ruh. Tieħu pjaċir tara l-pjazza mifqugħa bin-nies – tant ikun hawn attività. Morna tajjeb bħal drabi ohra, forsi kemm kemm iżjed,” qal Victor Aquilina.
San Patrizju mhux biss iġib miegħu ċelebrazzjonijiet; imma jservi wkoll ta’ mutur ekonomiku għas-sidien tan-negozji f’San Ġiljan. ONE NEWS ħa r-reazzjoni ta’ Sera Baldacchino- negozjanta fi Spinola fejn spjegat kif matul il-jum kollu x-xogħol ma qata xejn; tant li l-bejgħ baqa’ b’saħħtu għal għaxar sigħat sħaħ:
“Kienet xi ħaġa li ma tispjegahiex. Għal habta ta’ nofsinhar bdew ġejjin ħafna nies jingħaqdu zgħazagħ u hekk. Għamilna rush kbira ta’ nies mis-siegħa sal-ħdax kien hawn ħafna xogħol u ħafna briju differenti. Bħala bar xi darba fis-sena tkun qed tistenna ħaġa hekk li tilqa lil kulħadd u nispera li tibqa sejra ta’ kull sena,” qalet Sera Baldacchino.
Philip Fenech li huwa l-President tat-Taqsima Turiżmu tal-GRTU spjega kif ta’ kull sena, n-negozjanti jkunu qegħdin jistennew din il-festa bi ħġarhom:
“L-attività kummerċjali kienet tajba ħafna- filfatt dis-sena wara seba’ snin kienet wahda mill-ikbar li niftakru. Ir-realta’ hi li din l-area hija mimlija attività kummerċjali–saret fuq l-almanakk u l-fatt li qed jiġu dawn in-nies kollha f’din l-area, l-poplu jridha,” qal Fenech.
Minkejja l-folol kbar ta’ nies jafu jġibu l-ilmenti ta’ xi wħud b’mod partikolari residenti, mhux l-istess jaħsiba s-Sur John Lucia – Ġiljaniz li sa minn ġuf ommu għexu f’San Ġiljan:
“L-atmosfera hawn qiegħda – din il-festa dejjem tiżdied qiegħda. Huwa l-izjed post fejn l-ingliżi jgħidu where it’s happening jien inżid iktar minn hekk – where it’s really happenings għaliex għalhekk jiġu hawn iż-żgħazagħ għaliex anke minn Għawdex u ma nistgħux niskantaw għax ikun hawn il-ħmieg hawnhekk kollu tnaddaf. – Twelidt hawn għal grazzja t’Alla u hawn ser nibqa – bl-istorbju b’kollox,” qal John Lucia.
Malli spiċċaw iċ-ċelebrazzjonijiet, minnufih il-ħaddiema tad-diviżjoni tat-tindif bdew b’ħidma kbira biex jiġbru l-iskart ġġenerat. Kelliem għall-Ministeru għat-Turżmu qal ma’ ONE News li b’kollox inġabru mal-15-il tunnellata ta’ skart.
Fil-fatt f’anqas minn tnax-il siegħa l-bajja ta’ Spinola u l-madwar kienu xummiema.