Il-Festa ta’ San Ġuzepp ġġib magħha bosta tradizzjonijiet, b’mod partikolari dawk marbuta mal-ikel u l-ħelu.
L-isfineċ jew iz-Zeppoli ta’ San Ġuzepp jinbiegħu fi kwantitajiet kbar f’dawn il-jiem, hekk kif fir-Rabat tiġi ċċelebrata l-festa ta’ dan il-qaddis.
Minflok bl-inċova kif ikunu l-isfineċ tradizzjonali, dawk ta’ San Ġuzepp ikunu mimlija bl-irkotta ħelwa.
Is-Sur Luke Friggieri, dulċier f’waħda mill-akbar kumpaniji tal-ħelu f’pajjiżna, ikkalkula li għall-ewwel darba din is-sena mistenni se jaħdmu mat-30,000 żeppola. Spjega li r-riċetta ta’ dan il-ħelu hi pjuttost sempliċi.
“Shoe Pastry taħlita bil-bajd u d-dqiq imbagħad tiġi piped fuq karta tax-xemgħa, tinqela imbagħad timtela’ bl-irkotta tal-kannoli,” qal is-Sur Friggieri.
Imbagħad din tmur għal stadju finali, dik tad-dekorazzjonijiet.
“Niffinixjawa bl-għasel, ġillewz u cinnamon,” kompla jgħid.
Minħabba li jinbiegħu bħal pastizzi, jiddedikaw għadd ta’ ħaddiema fuq il-produzzjoni tagħhom biss.
“Meta jiġi l-peak tagħha li hu ovvjament din is-sena ġej it-Tlieta, fil-Weekend inkunu 12 mir-ruħ u matul il-ġimgħa 5 jew 6 min-nies,” saħaq is-Sur Friggieri.
Wara z-zeppoli għad-dulċiera tibda maratona oħra ta’ ħelu.
“Wara l-isfinġa naqbdu nahdmu fuq l-easter, figolli u easter eggs. Tiskanta kif tgħaddi l-ġurnata tagħha l-isfinga tmut,” huwa qal.
Fid-dawl li llum hawn ħafna għarfien dwar is-saħħa u l-ikel, Friggieri qalilna li xorta waħda rari jkollhom talbiet biex din ma tinqelix fiż-żejt.
“Il-verita li meta tasal l-isfinga kulhadd ihobba kif suppost tkun, allura ma tantx ikollna ‘requests’ li ma tkunx moqlija,” qal is-Sur Friggieri.
Iz-zeppola ta’ San Ġuzepp tnisslet mill-isfineċ ta’ sqallija li wkoll hi għaġina moqlija mimlija fl-iżbieb u l-irkotta. Madankollu l-Isqallin rabtu dan il-ħelu mal-festi tal-karnival. Malta ħadna din it-tradizzjoni tagħhom u rbatna dan il-ħelu mal-Festa ta’ San Ġuzepp li fir-Rabat ilha tiġi organizzata mill-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp għal dawn l-aħħar 500 mitt sena.