Il-Pulizija b'rondi aktar speċjalizzati fit-toroq biex tonqos il-kriminalità | One News

Notifiki

Il-Pulizija b’rondi aktar speċjalizzati fit-toroq biex tonqos il-kriminalità

Is-sinkronizizazzjoni bejn id-dipartimenti kollha tal-korp tal-Pulizija fl-aħħar snin qed tħalli l-frott meħtieġ. Permezz ta’ din is-sinkronizzazzjoni deskritta eċċezzjonali, il-Korp qed jagħti aktar importanza l-ġbir tal-intelliġenza. Fattur ewlieni li wassal biex il-kriminalità matul is-sena li għaddiet naqset b’7%. Sostnew dan l-Ispetturi Antoine Cilia u Jeffrey Scicluna mill-iskwadra tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett rispettivament.

F’waħda mill-vetturi tar-Rapid Intervention Unit ONE News segwa mill-qrib il-ħidma tagħhom matul il-lejl fit-toroq Maltin. Għalkemm mhix skwadra investigattiva, l-għajn għassiesa tal-uffiċjali xorta raw li jiġbru kull xorta ta’ intelliġenza biex jilqgħu għar-reati kriminali.

L-Ispettur Antoine Cilia qal kif din l-intelliġenza li qed tinġabar anke matul ir-road blocks qed tgħaddi lill-iskwadri investigattivi. Iżda barra minn hekk għaddej eżerċizzju ieħor. Qal li “qed niċċekkjaw ir-rapporti li jkunu saru fil-ġurnata ta’ qabel, biex minn hemmhekk noħolqu mappa ta’ ‘hotspots’ fejn irridu nżidu l-preżenza tagħna fihom.”

B’hekk qed tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq u qed toffri tip ta’ prevenzjoni milli jsiru r-reati.

Fl-aħħar sena fid-distretti madwar il-pajjiż, iddaħħlet sistema ġdida ta’ pulizija pajżana fl-għases. Jaħdmu biss ‘undercover’ u jiġbru l-informazzjoni mit-toroq. L-Ispettur Jeffrey Scicluna spjega s-suċċess ta’ din l-inzjattiva li qed twassal għat-tnaqqis fil-kriminalità.

“Bħalissa ġiet mifruxa fuq id-distrett tal-Belt, Ħal Qormi u Raħal Ġdid. Jidhirli li hemm pjanijiet biex tiġi aktar mifruxa minħabba r-riżultati li qed ikollhom.”

B’dan kollhu l-Pulizija qed tkun pass qabel il-krimnal, sostna l-Ispettur Scicluna.

“Ċertu crime eżempju ‘string’ ta’ serq minn residenzi, tkun tista’ tinġabar l-informazzjoni minn dawn il-każijiet, imbagħad tkun tista’ tara hux l-istess persuna, hux l-istess modus operandi u tidentifika minn qed jikkometti dawn il-‘crimes’.”

L-Ispettur Scicluna żied li fl-aħħar xhur bosta ngħataw sentenza ta’ ħabs li qed iservi ta’ deterrent biex tonqos il-kriminalità.

“Priġunerija effettiva b’mod speċjali fil-każi ta’ ‘pick-pocketing’ dak il-‘main dettering’ tagħha jiġifieri meta jiġi arrestat mhux jaf li se jeħel sentenza sospiża. Allura meta bdew jeħlu priġunerija effettiva bdejna naraw tnaqqis vera.”

L-Ispettur Antoine Cilia qal li fl-aħħar sena żdiedu r-rejds għad-droga bis-sehem tar-Rapid Intervention Unit u l-Ispecial Intervention Unit.
“Qed nagħmlu ħilitna kollha biex inkunu l-garanzija tad-drittijiet għal dawk kollha li jinsabu Malta hekk kif stipulat fil-liġijiet Maltin,” temm jgħid l-Ispettur Cilia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend