Valletta huma l-ewwel finalisti tan-Knock Out | One News

Notifiki

Valletta huma l-ewwel finalisti tan-Knock Out

Fis-semifinali tan-Knock Out tal-Futsal kellna taqtigħa interessanti bejn Valletta u Birkirkara. Valletta kisbu vantaġġ doppju meta wara għaxar minuti logħob Rafael Medeiros Rodrigues fetaħ l-iskor u Shawn Vella għamilhom 2-0. Birkirkara naqsu l-iskor meta kien fadal biss tlettax-il sekonda minn tmiem l-ewwel taqsima, b’gowl ta’ Faisal Alnakuoo.

Valletta ħarġu tajjeb fl-ewwel taqsima u skurjaw it-tielet gowl wara biss tliet minuti permezz ta’ Dylan Musu. Għaldaqstant Birkirkara ma ħarsux lura u fi ftit minuti ġabu l-iskor indaqs għal 3-3, permezz ta’ Alan Galea u Gary Inguanez. Fl-aħħar sitt minuti Valletta reġgħu ħadu l-kontroll tal-logħba u skurjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Camilo Andres Vanegas Gomez u Melvin Borg.

Intant mir-Rawnd tal-Elite Valletta baqgħu fil-quċċata meta fil-bidu tal-ġimgħa għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 3-1. It-tliet gowls Beltin waslu minn doppjetta ta’ Mohamed Lamari u gowl ta’ Camilo Andres Vanegas Gomes. L-uniku gowl ta’ Swieqi United ġie skurjat minn Shaun Deguara.

Luxol li qed jaqsmu l-ewwel post ma’ Valletta, żiedu wkoll rebħa oħra hekk kif din il-ġimgħa għelbu lil Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 6-1. Wara kwarta logħob kienu Tarxien Rainbows li fetħu l-iskor permezz ta’ Jose Maria Aguilera. Luxol dawru bil-kbir telfa f’rebħa b’tripletta ta’ Maicon Silva Gaiewski, doppjetta ta’ Zvezdan Vukovic u gowl ta’ Leanderson Coriolando Sant’Anna.

L-Istudenti tal-Università ta’ Malta kellhom ibaxxu rashom għat-tim ta’ Birkirkara f’telfa ta’ 7-3. Il-gowls Karakariżi waslu minn doppjetti għal Everton Da Silva Santos, Faisal Alnakuoo u Victor Castro Pedrosa flimkien mal-gowl ta’ Rennie Tanti. Min-naħa l-oħra Aidan Caruana, Ivan Jovanovic u Lee Grech skurjaw għat-tim tal-Università ta’ Malta.

Intant fl-uniku logħba li kellna din il-ġimgħa mill-Ewwel Diviżjoni Pietà Hotspurs tilfu kontra Swieqi United U21 bl-iskor ta’ 8-4 .

Klassifika Elite

Valletta & Luxol 51; Birkirkara & Swieqi United 31; L-Università ta’ Malta 18; Tarxien Rainbows 15

Klassifika L-Ewwel Diviżjoni

Pietà Hotspurs 19; Luxol U19 13; Swieqi United U21 12; UM Futsal Academy 3

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend